Bit-tema, ‘Sejbiet u Stejjer’, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-MUŻA, ġie varat bħala l-Padiljun Malti, fil-Malta Biennale u b’hekk se jkun qed jilqa’ l-viżitaturi sal-31 ta’ Mejju.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici spjega kif dan il-padiljun joffri ħarsa unika lejn pajjiżna, b’narrattivi differenti msawra fl-arċipelagu tiegħu – mal-għajta kontinwa favur il-paċi.
“Qabel xejn irridu ngħidu li din id-darba, fl-istorja tal-arti viżiva f’pajjiżna, qed jinfetaħ padiljun, tal-arti Malti, proprju f’Malta. Is-soltu niftħu padiljuni fil-biennale ta’ Venezja, jew il-London Design Biennale, imma qatt ma kienet opportunità li niftħu padiljun tal-arti viżiva f’pajjiżna.”
Dwar dan tkellem ukoll il-President tal-Malta Biennale, u ċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar.
“Il-Biennale, issa wasal fi stadju fejn hu miftuħ kompletament għall-pubbliku. Din il-ġimgħa apparti l-ftuħ li kellna nhar it-Tlieta, u l-padiljun, għamel il-ftuħ uffiċjali tiegħu. Maratoni sħaħ, ġranet sħaħ, bejn ilbieraħ u llum fejn il-pajjiżi kollha, il-15-il padiljun, li għandna fetħu l-bibien tagħhom.”
Il-kuratriċi tal-maltabiennale.art, Katya Micallef, qalet kif l-artisti kontemporanji jużaw mezzi tal-arti differenti u jippreżentawha f’kuntest li jista’ jkun f’gallerija tal-arti, fuq sit speċifiku jew anki online.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit qal li dan il-Biennale jimmarka kapitlu ġdid fl-istorja ta’ Heritage Malta.
Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mill-għaxra ta’ filgħodu sas-sitta ta’ filgħaxija, u l-biljetti jistgħu jinxtraw mill-ħanut virtwali ta’ Heritage Malta, jew mill-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta.