Tnieda l-ktieb ‘L-Esperjenza tat-Tagħlim’. Dan il-ktieb ġie ppreżentat lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici.
L-awtur, Dr Terence Portelli, hu lettur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, bi speċjalizzazzjoni fuq it-tagħlim tal-Malti.
Il-Ministru Bonnici qal li, “Aktar minn qatt qabel, l-għalliema għandhom bżonn idea ċara tal-arti u tax-xjenza tat-tagħlim f’kuntesti edukattivi varji. Dan il-ktieb ġdid jagħti ħarsa strutturata u dettaljata lejn l-istadji ewlenin taċ-ċiklu tat-tagħlim: it-tħejjija, it-twettiq u t-tgħarbil ta’ din l-esperjenza kumplessa. L-idea wara dan il-ktieb hi li l-esperjenza edukattiva tal-istudenti tkun waħda pożittiva skont kemm l-għalliema jagħrfu jinsġu flimkien komponenti differenti taċ-ċiklu tat-tagħlim tul il-vjaġġ edukattiv tal-istudenti tagħhom.”
Il-ktieb huwa maqsum fi tmien taqsimiet ewlenin.
B’kollox dan il-ktieb fih 72 kapitlu b’kollox, u kull kapitlu jiffoka l-attenzjoni fuq qasam dejjaq tal-esperjenza tat-tagħlim billi jippreżenta u jfisser b’mod sempliċi t-termini ewlenin, jesplora l-argumenti u l-perspettivi differenti u jipproponi għadd ta’ possibbiltajiet pedagoġiċi mnejn l-għalliema jistgħu jagħżlu.
It-tabelli, il-formoli u ċ-ċekkjaturi f’dan il-ktieb tfasslu bil-għan jiggwidaw il-ħsieb kritiku u kreattiv tal-għalliema fi stadji differenti tal-iżvilupp professjonali tagħhom, minn dak bikri sa wieħed mogħni bl-esperjenza.
Għall-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb lill-Ministru Owen Bonnici kien hemm ukoll il-pubblikaturi David Bezzina u MaryAnn Vella f’isem Horizons.
Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mingħand il-ħwienet ewlenin tal-kotba.