Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici nieda l-ktieb bl-isem ta’ ‘History Teaching in Malta, flimkien mal-President tal-Għaqda tal-Għalliema tal-Istorja, il-Prof. Joanne Vella. Dan sabiex ikun ifakkar il-25 anniversarju mit-twaqqif ta’ din l-għaqda.
Il-Ministru Bonnici stqarr li jinsab sodisfatt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni ffinanzja din il-pubblikazzjoni. Dan għaliex huwa importanti li t-tagħlim tal-Istorja fl-iskejjel Maltin ikompli jissaħħaħ.
Huwa radd ħajr lill-membri kollha tal-Għaqda tal-Għalliema tal-Istorja għall-ħidma tagħhom sabiex jissalvagwardjaw it-tagħlim u l-għarfien tal-Istorja.
Min-naħa tagħha Prof. Joanne Vella rringrazzjat lill-Ministru Bonnici tal-għajnuna ta lill-Għaqda tal-Għalliema tal-Istorja sabiex dan il-ktieb ikun jista’ jiġi ppubblikat. Hija spjegat li din il-pubblikazzjoni hija kommemorazzjoni biex niċċelebraw il-25 anniversarju tal-Għaqda tal-Għalliema tal-Istorja. F’dan il-ktieb hemm bosta partijiet li flimkien jagħtu redikont aġġornat ta’ dak li qed jiġri fl-edukazzjoni tal-Istorja fil-gżejjer Maltin.
Prof. Vella sostniet li din l-għaqda bdiet fl-1995 u matul is-snin baqgħet importanti għall-iżvilupp tat-tagħlim tal-Istorja f’Malta.