L-istorja tgħallimna li l-ewwel nies li rifsu dan ix-xiber t’art kienu ġejjin minn Sqallija.
Minn din l-istorja ġiet imnebbħa storja oħra, din id-darba fittizja ta’ żewġ persuni f’Għar Dalam.
Fil-fatt b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill għall-Arti u Heritage Malta, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi ħabbar il-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb fittizju għat-tfal ta’ bejn l-10 u 12-il sena bl-isem ta’ ‘Smajna Isimna taħt l-Art’.
Fil-pubblikazzjoni tal-ktieb fl-iskola Primarja ta’ Birżebbuġa, l-awtriċi tal-ktieb Loranne Vella qalet li dan il-ktieb iqajjem għarfien fuq il-passat ta’ pajjiżna. Hija spjegat li “Din hija l-idea li kif kien ġara fi żmien is-silġ meta kienu qasmu minn Sqallija għal Malta ċertu annimali kienu daħlu għall-kenn tas-sħana imma mbaghad ma setghux jerġgħu jitilqu l-barra u mietu hawnhekk għax ma kellhomx ħafna ikel. Dan kollu kien bħala inspirazzjoni għal din l-istorja. ”
ONE News tkellem ukoll mal-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici li tkellem kif jeħtieġ li jkun hemm iktar pubblikazzjonijiet bħal dawn biex it tfal jkunu jistgħu jitgħallmu iktar dwar l-istorja ta’ pajjiżna b’mod divertenti u li jagħmel sens għaż-żmien tal-lum.
Il-Ministru Bonnici sostna: “Aħna rridu nimmarkaw il-partecipazzjoni ta’ Malta fil-Bienalle ta’ Venezia. Hija t-tieni darba li pparteċipajna wara nuqqas ta ħafna snin u aħna ridna li din ma tkunx biss parteċipazzjoni venezia imma anke nagħmlu attivitajiet mat-tfal ta’ età żgħira sabiex jibdew iħobbu l-arti.”
Din il-pubblikazzjoni hi bbażata fuq l-arti ta’ Trevor Borg ‘Cave of Darkness – Point of No Return’, li tifforma parti mill-Padiljun ta’ Malta għall-Biennale di Venezia.