L-Ispeaker Anġlu Farrugia mexxa t-tnedija uffiċjali ta’ Kors ta’ Studju M.A. in Contemporary Family Studies fl-Università ta’ Malta.
Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker semma l-importanza tal-familja bħala istituzzjoni soċjali, li titqies ukoll bħala s-sinsla u ċellola jew aħjar l-iżgħar struttura fost il-qafas fiżiku tas-soċjetà. Hu semma wkoll ir-rabta intrinsika bejn il-familja u l-qagħda tas-soċjetà. Biex wieħed jagħraf sew l-effett tal-ġid materjali fuq is-soċjetà u jekk dan il-ġid hux imqassam b’mod ġust, minn studji wiesgħa fuq l-istat attwali tal-familja, wieħed għandu jasal sabiex jiddetermina l-qagħda tassew tas-soċjetà u kif din qed tiżviluppa u tiġġedded.
L-Ispeaker għaraf l-importanza tal-familja fil-kuntest sħiħ, jiġifieri:
- Post fejn tiġġedded l-umanità u l-ulied jingħataw trobbija xierqa;
- Dar u komunità ta’ mħabba b’sentimenti għonja u soċjali, l-ambjent ideali fl-iżvilupp tat-tfal, l-irġiel u n-nisa ta’ għada;
- Tipprovdi kenn u protezzjoni lill-membri tagħha, l-aktar liż-żgħar u lill-morda f’ambjent ta’ għożża;
- L-importanza tal-ewwel elementi ta’ ekonomija, fejn ħidmiet li huma essenzjali jitqassmu skont il-ħiliet u saħħa fiżika u mentali tal-individwu;
- Skola, fejn il-ġenituri jgħaddu lill-uliedhom tagħlim għal ħajja, inkluż manjieri tajba u l-aħjar mod ta’ kif uliedhom għandhom jibnu relazzjonijiet ma’ ħaddieħor (socialization);
- Post fejn il-persuna umana tapprezza l-valuri għonja tal-ħajja, l-imħabba lejn il-proxxmu, ir-rispett lejn ħaddieħor u ninbnew bħala bnedmin f’ambjent ta’ solidarjetà soċjali, u;
- Post fejn nibdew nagħrfu xi tfisser dixxiplina u rispett lejn l-awtorità u l-osservanza tar-regoli ta’ imġieba tajba (etika u morali).
L-Ispeaker Anġlu Farrugia kompla billi qal li dawn ir-raġunijiet u oħrajn isaħħu r-rabta intrinsika bejn il-qagħda tal-familja u dik tas-soċjetà. Huwa kompla billi qal li dan il-kors ta’ studju għandu jkompli jinkoraġġixxi aktar studji u riċerka dwar il-familja sabiex nifhmu aħjar kull impatt li jista’ jkun hemm fuq din l-istituzzjoni soċjali u x’miżuri għandhom ikunu kkunsidrati minn żmien għal ieħor, biex dejjem tissaħħaħ il-qagħda tal-familja f’pajjiżna.
L-Ispeaker tenna l-interess tal-Parlament ta’ Malta li jkun sieħeb speċjali ta’ istituzzjonijiet ta’ tagħlim u studju bħal l-Università ta’ Malta u skejjel u mas-soċjetà ċivili u għaqdiet tal-volontarjat sabiex nifhmu aħjar kull tibdil fis-soċjetà għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kelliemi Ewlieni għall-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, is-Solidarjetà Soċjali, il-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal, u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech u mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo.