Ġie ppreżentat uffiċjalment il-kontinġent li se jkun qed jirrappreżenta lill-gżira Għawdxija fil-Logħob tal-Gżejjer li din is-sena se jsiru f’Guernsey bejn it-8 u l-14 ta’ Lulju li ġej. Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Team Gozo huwa magħmul minn 40 atleta Għawdxin li se jkunu qed jikkompetu fil-Logħob tal-Gżejjer f’dawn id-dixxiplini: atletika, ċikliżmu, sparar, għawm, table tennis, triathlon u futbol.
“Dan huwa mument storiku fil-qasam sportiv f’Għawdex għaliex din hija l-ewwel darba li l-atleti Għawdxin se jkunu jistgħu jirrappreżentaw lil gżiritna f’logħob internazzjonali u jagħmlu unur għalihom u għal Għawdex,” tenna l-Ministru Camilleri.
Huwa stqarr li l-preparamenti biex Għawdex jissieħeb fl-International Island Games Association (IIGA) ilhom għaddejjin u fakkar kif matul iż-żjara li l-membri tal-eżekuttiv tal-IIAG għamlu f’Għawdex, faħħru l-impenn, id-determinazzjoni u l-viżjoni tal-Gvern biex is-settur sportiv fil-gżira Għawdxija jingħata spinta ’l quddiem u dan bi proġetti kapitali u inċentivi fiskali diretti. Huwa kompla jgħid li dan il-Gvern jemmen fl-atleti u hu kommess li jkompli jagħti s-sostenn tiegħu lill-qasam sportiv.
Kien is-sena l-oħra li Għawdex ġie aċċettat biex formalment jissieħeb fl-IIGA, wara li l-Ministeru għal Għawdex, f’April tal-2022, kien issottometta applikazzjoni biex isir membru ta’ din l-assoċjazzjoni. L-applikazzjoni kienet ġiet aċċettata b’vot unanimu waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-istess assoċjazzjoni li saret f’Guernsey, fl-istess post li din is-sena se jiġu organizzati n-NatWest International Island Games.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi rringrazzja lil kull min ħadem u ta s-sehem tiegħu sabiex Għawdex seta’ jkun parti minn dan il-logħob filwaqt li awgura kull suċċess lill-atleti.
L-International Island Games ġew organizzati għall-ewwel darba fl-1985. Il-membri f’din l-assoċjazzjoni huma 24 gżira minn madwar id-dinja u l-logħob jiġu organizzati kull sentejn.
Ritratt: MGOZ