Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-kalendarju tal-attivitajiet għal din is-sena ta’ Heritage Malta, programm ta’ tnax-il xahar mimli esperjenzi kulturali, edukattivi u interattivi għal udjenzi varji b’aktar minn 153 avveniment.
Il-Ministru qal li din is-sena hija waħda speċjali hekk kif se jiġu mfakkra diversi anniversarji importanti, fosthom il-50 anniversarju tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, l-10 anniversarju mill-ftuħ tal-Forti Sant’Iermu, il-110 anniversarju mill-ewwel skizzi tal-Kumpless Preistoriku ta’ Ħal Tarxien, u l-460 anniversarju tal-Assedju l-Kbir – dawn l-anniversarji se jagħmlu l-programm aktar speċjali.
‘’U għallura aħna rridu li dan is-sabiħ li għandna f’pajjiżna, dan il-wirt storiku stupend, ikun miftuħ kemm jista jkun ikun miftuħ beraħ għall-Poplu Malti u Għawdxi kollu, u anke għat-turisti li jiġu iżuruna u filfatt għandna ppreżentati iktar minn 150 avveniment li huma 50 avveniment iktar minn dawk tas-Sena li għaddiet.’’
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit, qal li l-viżjoni għas-sena l-ġdida hija li n-nies jingħaqdu mal-wirt Malti b’mod sinifikanti u innovattiv.
‘’Bis-saħħa ta’ kampanja ġdida li niegħdejna peak into heritage qed nistiednu lill-pubbliku jiġi u jesperjenza il-patrimonju kulturali tagħna’’
Il-kalendarju tal-attivitajiet ta’ Heritage Malta huwa disponibbli hawnhekk: https://heritagemalta.mt/leaflets-and-brochures/, fejn tista’ tesplora l-lista sħiħa tal-avvenimenti u taqta’ l-biljetti għalihom onlajn. Kopji fiżiċi se jkunu disponibbli wkoll fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta fil-jiem li ġejjin.