Il-Gvern ħabbar it-tnedija ta’ helpline ġdid miftuħ 24 siegħa kuljum għal persuni li jkollhom problemi ta’ saħħa mentali.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, bit-Tema Malta, Ċertezza u Stabbiltà.
Hawnhekk intqal kif dan is-servizz ta’ helpline, bin-numru 1579 u li huwa disponibbli mil-lum stess, tnieda fid-dawl li l-każijiet ta’ saħħa mentali madwar id-dinja żdiedu b’25%.
Id-Deputat Prim Ministru Christ Fearne spjega wkoll kif il-bżonn ta’ dan il-helpline inħass anke wara li ġew innutati numru kbir ta’ telefonati fuq il-linja 111 b’rabta mal-Covid-19, fejn intalbet assistenza dwar saħħa mentali.
B’hekk permezz ta’ dan il-helpline ġdid, 8 psikoloġisti mħarrġa apposta ser ikunu qed ikunu f’kuntatt dirett ma’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali sabiex jgħinu kull fejn ikun hemm bżonn.
Filwaqt li dan is-servizz huwa disponibbli mil-lum stess, persuni li jagħmlu użu minnu għandhom il-faċilità wkoll li jinqdew u jsibu għajnuna permezz ta’ video calls.
Minn naħa tiegħu l-Psikologu u l-Kap tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali fi ħdan l-Isptar Monte Karmeli, il-Professur Anton Grech, spjega wkoll li filwaqt li dan is-servizz tal-1579 huwa disponibbli f’kull ħin tal-ġurnata u kuljum, is-servizz se jipprovdi wkoll l-faċilità li jingħata appuntament f’qasir żmien.
Il-Professur Grech ħeġġeġ lill-pubbliku jagħmel użu minn dan is-servizz sabiex il-ġlieda kontra kundizzjonijiet differenti tas-saħħa mentali tkompli tiġi miġġielda b’suċċess f’pajjiżna.
Intant, dan l-iżvilupp importanti fil-qasam tas-saħħa mentali f’pajjiżna, ġibed l-attenzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinija tas-Saħħa, il-WHO, Tedros Adhanom .
Fuq il-profil uffiċjali tiegħu fuq Twitter, Ghebreyesus irringrazzja lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għall-impenn tiegħu fil-qasam tas-saħħa mentali, fid-dawl tat-tnedija tal-linja 1579. Saħaq li l-Għaqda Dinija tas-Saħħa tilqa’ b’sodisfazzjon din it-tnedija.