Il-Kunsill Malti għall-Arti ħabbar it-tnedija tal-vidjow mużikali għall-kanzunetta ‘Il-Baħħ u Jien’, li rebħet it-48 edizzjoni tal-festival ‘L-Għanja tal-Poplu 2023’.
Il-vidjow tnieda l-Erbgħa fi Pjazza Teatru Rjal bħala parti minn investiment kontinwu mill-Kunsill Malti għall-Arti f’organizzazzjonijiet volontarji, inkluż l-organizzatriċi ta’ ‘L-Għanja tal-Poplu’, li s-sena li għaddiet ra 40 semi-finalist jippreżentaw lill-pubbliku kanzunetti oriġinali Maltin f’varjetà wiesgħa ta’ ġeneri.
Id-diska rebbieħa ‘Il-Baħħ u Jien’ tqajjem aktar għarfien dwar kwistjonijiet ta’ saħħa mentali li jiffaċċjaw l-irġiel. Il-kanzunetta u l-vidjow kisbu suċċess immedjat meta rawh mal-10,000 persuna fuq il-midja soċjali fi ftit jiem mindu tniedew.
Miktuba minn Natasha Grima u b’mużika ta’ Charlene Grima, il-kanzunetta rebbieħa hi interpretata minn Christian Arding. Ray Calleja hu d-direttur artistiku tal-vidjow mużikali.
Waqt it-tnedija tal-vidjow, ingħad li l-investiment f’‘L-Għanja tal-Poplu’ hu parti mill-isforz kontinwu tal-Kunsill Malti għall-Arti biex isaħħaħ il-kreattività u l-kultura Maltija billi jipprovdi appoġġ stabbli għall-organizzazzjonijiet fil-pjani futuri tagħhom ħalli jikbru u jiżviluppaw skont l-Istrateġija Nazzjonali għall-Kultura 2025.
Il-President tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, irrefera għall-importanza li organizzazzjonijiet kulturali, bħal ‘L-Għanja tal-Poplu’, ikunu jistgħu jibnu u jsaħħu l-kapaċità operattiva tagħhom bil-għan li joħolqu mudelli ta’ ġestjoni sostenibbli.
Marshall qal kif ‘Il-Baħħ u Jien’ hi parti mill-implimentazzjoni ta’ viżjoni li tappoġġja diversi espressjonijiet artistiċi minn artisti Maltin.
Aktar tagħrif dwar is-sħubijiet tal-Kunsill Malti għall-Arti ma’ organizzazzjonijiet kulturali wieħed għandu jżur is-sit uffiċjali – https://artscouncilmalta.gov.mt/.