Bejn id-19 ta’ Ġunju u l-5 ta’ Lulju li ġej, se jkun qed isir il-festival annwali tal-Malta International Arts Festival, bħala parti mill-kalendarju kulturali tal-festival tas-sajf.
Dan il-festival li jsir minn Festival Malta u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, se jkun qed isir b’mod differenti sabiex jirrispetta l-linji gwidi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-Malta International Arts Festival se jinkludi numru sostanzjali ta’ artisti lokali filwaqt li se jinkludi żfin, mużika u teatru. Dan il-festival online se jinkludi tnax-il filmat, disa’ produzzjonijiet u monologi. Matul dan il-festival se jingħaqdu ‘l fuq minn 100 artist lokali sabiex jagħmlu verżjoni moderna tad-diska ‘Kemm Hu Sabiħ’ u prestazzjoni unika tal-poeżija ‘L-Għajta ta’ Malta’ permezz ta’ żfin koreografat.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-festival, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal kif huwa ta’ sodisfazzjon li wieħed mill-festivals ewlenin lokali tas-sajf se jsir online u se jinvolvi bosta artisti.
Id-Direttur ta’ Festival Malta Annabelle Stivala qalet li Festivals Malta ħasset id-dmir li mhux biss tipprovdi sors ta’ divertiment lil dawk li għandhom għal qalbhom l-arti u l-kultura imma kif ukoll tagħti kuraġġ u toffri sapport lill-artisti lokali.
Id-direttur artistiku ta’ dan il-festival Ruben Zahra qal kif bħalissa l-arti u l-kultura huma aktar importanti minn qatt qabel. Qal kif qed tingħata importanza għall-kultura, lill-wirt nazzjonali u lill-artisti lokali f’dawn iż-żminijiet.
Għall-aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq is-sit https://www.festivals.mt/miaf.