Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis attenda għal forum bejn entitajiet u għaqdiet li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità organizzat mill-Aġenzija Sapport, fejn tnieda l-ewwel rapport ta’ ħidma tal-Aġenzija Sapport minn meta saret aġenzija awtonoma f’April 2016.
Is-Segretarju Parlamentari laqa’ lir-rappreżentanti ta’ bosta għaqdiet u entitajiet li attendew għal dan il-forum, u kompla billi għamel referenza għal kemm hu importanti li jkun hemm id-diskussjoni u s-sinerġija fil-ħidma tal-entitajiet u l-għaqdiet, sabiex jiġu pprovduti l-aħjar servizzi u inizjattivi fl-interess tal-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom.
Ir-rapport ta’ ħidma tal-Aġenzija Sapport jagħti stampa ċara tal-iżviluppi li saru minn April tal-2016 sa Diċembru 2017, bl-aktar proġetti importanti f’dan is-settur li huma l-ftuħ ta’ erba’ residenzi fil-komunità bħala parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta; it-tnedija tal-Personal Assistant Scheme; modernizzar fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għal Persuni b’Diżabilità; il-ftuħ ta’ Skills Space: ċentru ġdid f’Tas-Sliema; xiri ta’ numru ta’ vetturi aċċessibbli; it-tnedija ta’ servizz ġdid intitolat Sharing Lives; it-tnedija tas-servizz tal-interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali, li kompliet ukoll tissaħħaħ meta l-lingwa tas-sinjali Maltija saret lingwa uffiċjali fl-2016; it-tisħiħ tas-servizzi bbażati f’Għawdex; u l-ftuħ ta’ uffiċini ġodda u ċentru ta’ taħriġ għall-impjegati tal-aġenzija f’Santa Venera.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Joseph Cini qal li dan kollu kien possibbli grazzi għall-impenn u l-professjonalità tal-ħaddiema kollha tal-aġenzija f’kull livell u l-awtoritajiet li emmnu fl-istandards tas-servizzi li toffri, kif ukoll fil-pubbliku li jqis lill-aġenzija bħala sors ta’ sostenn u appoġġ meta f’ħajjithom jaffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli. Joseph Cini żied ukoll li madankollu, l-aġenzija xorta tiltaqa’ ma’ diversi sfidi li se jkunu qed iservu bħala bażi fuq xiex għandha tiżviluppa l-pjanijiet tagħha għas-snin li ġejjin.
Anthony Agius Decelis irringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jikkontribwixxu fis-settur tad-diżabilità għax-xogħol siewi u b’dedikazzjoni li jagħmlu f’dan is-settur.
Kopja tar-rapport ta’ ħidma 2016-2017 tista’ titniżżel mis-sit uffiċjali tal-Aġenzija Sapport fuq http://www.sapport.gov.mt