Mifrux fuq 73 paġna, tnieda l-ewwel prospectus tal-Istitut għall-Edukazzjoni, imżewwaq b’korsijiet akkreditati mmirati lejn l-edukaturi.
Korsijiet mill-għalliema għall-għalliema; ibbażati fuq il-kwalità, relevanza u prattiċità.L-Istitut għall-Edukazzjoni fetaħ il-bibien tiegħu f’Ottubru ta’ sentejn ilu, u minn dakinhar ’l hawn lestew korsijiet b’suċċess xejn inqas minn 800 edukatur filwaqt li din is-sena qed jattendu mat-300 oħra.
Ħafna mill-korsijiet imnedija fil-prospectus jindirizzaw l-assessjar formattiv, li tant issemma fl-aħħar jiem b’rabta mat-tneħħija tal-eżamijiet ta’ nofs is-sena.
Tali korsijiet għandhom l-għan li jħarrġu lill-għalliema biex jagħtu ċans lill-istudenti jiżviluppaw matul is-sena, u jkunu kapaċi janalizzaw u jagħrfu l-ħiliet tal-istess studenti.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ddeskriva l-Istitut għall-Edukazzjoni bħala kruċjali għat-tisħsiħ fl-edukazzjoni; fi vjaġġ ta’ tagħlim li jista’ jisfrutta aħjar it-talent li jeżisti fost l-edukaturi kollha.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jaċċessa l-prospectus minn fuq is-sit elettroniku tal-Istitut www.ife.gov.mt li sar bil-ħsieb li jkompli jkun aġġornat kontinnwament.