Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-ewwel programm artistiku tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva (NAPA). Dan il-programm ġie mfassal minn KorMalta, Teatru Malta u ŻfinMalta li se jwasslu lill-udjenza aktar minn erbatax-il produzzjoni f’Malta u ħames produzzjonijiet madwar l-Ewropa.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġew imnedija wkoll diversi inizjattivi, fosthom, l-ewwel grupp ta’ atturi residenti ta’ Teatru Malta, l-ewwel ensemble ta’ KorMalta, proġetti ma’ entitajiet kulturali pubbliċi, proġett li jiċċelebra l-istorja tal-Jazz f’Malta, opportunitajiet ta’ taħriġ, fost oħrajn.
“L-Aġenzija qed tkompli bil-ħidma tagħha biex twassal aktar opportunitajiet sostenibbli lill-artisti tagħna u aktar faċilitajiet kreattivi, kif ukoll qed taħdem fuq strateġija li tassigura s-sostenibbiltà tas-settur tal-arti performattiva. L-investiment fil-qasam kulturali huwa importanti ferm, biex l-artisti jkollhom l-għodod meħtieġa biex jesprimu ruħhom u jmexxu ’l quddiem il-professjoni tagħhom,” stqarr il-Ministru Owen Bonnici.
NAPA ġiet varata fl-2023 biex tipprovdi qafas legali, amministrattiv u organizzattiv konġunt għal Teatru Malta, KorMalta, u ŻfinMalta. L-Aġenzija għandha l-għan li tgħolli l-profil tal-arti tal-ispettaklu performattiva f’Malta, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Bħala l-aġenzija ewlenija għall-arti performattivata, l-għan tagħha huwa li jkollha rwol attiv fit-tfassil tal-politika u l-promozzjoni tal-arti performattiva fl-aspetti kollha tagħha – minn wara l-kwinti sal-palk, mill-amministrazzjoni għall-produzzjoni u mill-iżvilupp għall-wirt – permezz tal-ħolqien ta’ strateġija ta’ sostenibbiltà għas-settur.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tan-NAPA Mro Dominic Galea qal: “Flimkien bħala entità qed naħdmu biex niżirgħu ż-żerriegħa tal-arti u l-kreattività fit-talent żagħżugħ, qed naħdmu mal-kumpaniji nazzjonali li jipprovdu opportunitajiet xierqa lill-artisti preżenti filwaqt li naħdmu mal-istudenti, żagħżagħ u l-komunità biex inżidu l-għarfien fis-settur.”
Il-Mro Galea kompla jagħti spjegazzjoni tal-programm mħejji għall-istaġun tal-ħarifa/xitwa li se jkun jinkludi fost oħrajn produzzjonijiet innovattivi bħal ŻfinMade, proġett għall-koreografi emerġenti, Miti Miti – produzzjoni interattiva għat-tfal u 1881 – produzzjoni f’forma ta’ logħba interattiva għall-kbar. Se jinkludi wkoll proġetti klassiċi bħar-Requiem ta’ Verdi mal-Kor ta’ Santa Cecilia f’Ruma, Żfin Days li se jġib Malta koreografi stabbiliti fid-dinja taż-żfin kontemporanju u proġetti fit-tul bħal Studio Francis Ebejer – koproduzzjoni ma’ Teatru Manoel, Spazju Kreattiv u l-Kunsill Malti għall-Arti.
“Għandna wkoll firxa wiesa ta’ proġetti edukattivi, ta’ riċerka bħal Jazz Assemblea, ċelebrazzjoni tal-legat u l-futur tal-Jazz f’Malta, Ġamboree, festival tat-teatru għall-anzjani, Ċaqlaq, proġett li jressaq lis-studenti lejn iż-żfin kontemporanju u Trikki Trakki, festival mit-tfal għat-tfal,” temm jgħid il-Mro Galea.