L-Aġenzija Sapport nediet l-ewwel helpline għal persuni b’diżabilità u qrabathom. Il-helpline kien tħabbar bħala parti mill-budget tal-gvern għal din is-sena.
Dan se jaħdem id f’id mal-helpline eżistenti tal-153 u se jkun jista’ jingħaqad b’mod dirett mal-Aġenzija Sapport.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Ruth Sciberras, spjegat li għalissa dan se jopera bħala proġett pilota mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8 am u l-4 pm. Il-helpline se jagħti lok ukoll sabiex tinġabar informazzjoni dwar il-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità u nkunu nistgħu ninvestu fi programmi u servizzi skont il-ħtiġijiet tagħhom.
“Jiġifieri jsaqsu li jridu, anke jekk għandhom xi ilment fuq servizz jew domanda fuq xi skema li l-aġenzija toffri. Huma varji d-domandi li wieħed jista’ jistaqsi.”
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li dan huwa biss aspett wieħed mill-aħħar investiment li għamel is-Servizz Pubbliku fejn tidħol teknoloġija avvanzata biex jingħataw is-servizzi.
“Investejna mingħajr preċedent €150miljun fit-teknoloġija. Bħalissa qed ninvestu €40miljun oħra fit-teknoloġija għal proġett mifrux mas-Servizz Pubbliku kollu. Qed nippjanaw biex ikollna investimenti oħra fit-teknoloġija fis-snin li ġejjin, li jlaħħqu bejn wieħed u ieħor €50miljun sa €70miljun biex inkunu nistgħu ntejbu s-servizzi.”
F’messaġġ irrekordjat, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li l-ħidma fis-settur tad-diżabilità hija fuq quddiem tal-aġenda tal-Gvern u aktar kemm qed jgħaddi żmien aktar qed ikomplu jitniedu proġetti u inizjattivi favur il-persuni b’diżabilità.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan juri l-impenn tal-gvern li dawk il-miżuri kollha li jkunu tħabbru fil-budget, jitwettqu.
“Bħala Ministeru, il-miżuri kollha li kellna fil-budget ta’ din is-sena se jiġu mwettqa kollha sal-aħħar tas-sena. Huwa eżerċizzju ta’ kontinwità li se nibqgħu intejbu biex nibqgħu nkunu hemm għal dawk in-nies li għandhom bżonn is-sostenn tagħna.”