Il-Fondazzjoni Marigold nediet l-ewwel apparat mobbli tagħha favur pazjenti tal-kanċer li jirrikjedu trattament fi djarhom stess.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, tnieda vann, li hu mgħammar bi fridges neċessarji biex il-kura tkun tista’ tasal fit-temperatura neċessarja lill-pazjenti li jiġu bżonnha madwar il-pajjiż.
Iċ-Chairperson tal-Marigold, Michelle Muscat, saħqet li dan il-moving unit għall-pazjenti hu tal-ewwel tip tiegħu f’pajjiżna biex b’hekk il-proġett imsejjaħ ‘Oncology at Home’ qed isir realtà.
F’kumment ma’ ONE News, Muscat spjegat li, kemm-il darba jinġabru biżżejjed flus, se jiġi introdott apparat ieħor simili ħalli d-domanda għal dan is-servizz tkun tista’ tintlaħaq aħjar.
Qalet, “Din is-sena se nkomplu naħdmu biex, is-sena d-dieħla, inkunu nistgħu, jekk jinġabru flus biżżejjed, nagħmlu unit ieħor bħal dan. Il-unit, li qed inniedu llum, hu l-ewwel wieħed ta’ din ix-xorta f’pajjiżna. Hu mgħammar b’dak li għandhom bżonn in-nurses biex ikunu jistgħu jagħmlu s-servizz fil-komunità.”
Id-Direttur tal-Kura tal-Onkoloġija, Dr Danika Marmara, saħqet kif, issa, il-ħajja tal-pazjent li jirrikjedi din il-kura se tiġi ffaċilitata u se tkun inqas ta’ skariġġ.
Qalet, “Però kien hemm tip ta’ skariġġ li l-pazjent ried imur, jerġa’ jiġi, inqabdulu pump ieħor, jerġa’ jmur id-dar, l-għada jrid jerġa’ jiġi u nneħħuhulu. Issa permezz ta’ dan il-unit li ġie mogħti lilna, ħa nkun qegħdin noħorġu aħna għand il-pazjent biex innaqqsu l-iskariġġ, inneħħulu l-pump aħna u nkunu nistgħu, ovvjament, niffaċilitaw it-tbatija b’mod forsi aktar. Kemm jista’ jkun intaffu minn din it-tbatija li jgħaddi minnha l-pazjent. Minbarra hekk, se nkunu wkoll qed nagħmlu ċerti interventi fid-djar tan-nies ukoll.”