Il-Gvern ħabbar it-tnedija tal-Ġirasol Community Hub għall-persuni b’diżabilità fir-Rabat b’investiment ta’ nofs miljun ewro fuq medda ta’ ħames snin.
Dan f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħadd filgħodu propju ftit jiem biss wara li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ċentru fit-Tramuntana tal-pajjiż għall-persuni b’diżabiltà sabiex ikunu jistgħu jsegwu programmi ta’ għajxien indipendenti f’ambjent ta’ dar.
Fid-diskors tagħha l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat li dan iċ-Ċentru fil-Komunità bl-isem Ġirasol se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu sal-aħħar ta’ din is-sena.
Dan sabiex joffri wkoll taħriġ speċjalizzat fuq aspetti diversi favur ħajja aktar indipendenti lil madwar 40 persuna fis-sena.
Il-Ministru Farrugia Portelli rrimarkat, “Id-dar hija lesta u jonqos biss xogħlijiet minuri li se jibdew fix-xhur li ġejjin biex il-binja ssir aktar aċċessibbli u adegwata għall-persuni b’diżabilità li b’xi mod jew ieħor għandhom impediment fil-mobbiltà tagħhom.”
Il-pjanti biex jibdew ix-xogħlijiet ġew sottomessi u għaddej il-proċess meħtieġ biex tinxtara l-għamara ta’ din il-binja li tkun atrezzata b’apparat meħtieġ u speċjalizzat.
Minn naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras, tenniet li dan huwa proġett innovattiv u l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu.
Spjegat ukoll li għal kull persuna li tagħmel użu minn dan il-post ikun hemm pjan individwali għaliha biex tgħin fl-indipendenza u b’hekk il-kunfidenza ta’ dawn il-persuni. Dan anke permezz ta’ teknoloġija assistiva.
Sciberras stqarret, “Dan il-post se jkun aċċessibbli, se jkun mgħammar b’affarijiet li persuni li jgħixu fil-komunità aħna nippruvaw nilħqu l-potenzjal tagħhom għall-għejxien indipedenti. Affarijiet li wieħed fil-ħajja ta’ kuljum jieħu forgranted, persuni b’diżabbiltà jkunu mgħallma u mħarrġa kif jagħmluhom.”
Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus tenna s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-proġett fil-qalba tar-Rabat fiż-żona tal-Virtù.
Craus innota, “Proġett li lilna issa qed jimlina b’sodisfazzjon biex inkompli naħdmu ħalli l-politika tal-Gvern tinżel fil-lokalità. Barra minn hekk ħabbarna ftit ilu wkoll id-Day Centre biex mal-Ministeru u mal-Ministru Julia Farrugia Portelli naħdmu biex minn hemm noffru servizzi lill-persuni b’diżabilità biex din il-lokalità verament tkun xempju u eżempju għall-lokalitajiet oħra ta’ kif nitrattaw u naħdmu fuq l-inklużjoni.”