Twaqqaf kumitat ta’ ħidma biex ikun iffokat u jaħdem anke bil-lejl favur iż-żamma aħjar tal-Belt Valletta. Il-kumitat, li se jieħu ħsieb il-manutenzjoni, l-ordni, is-sigurtà u l-aċċessibilità fil-kapitali, se jkun qed jgħaqqad ukoll partijiet ewlenin tal-kapitali bl-istess operat tiegħu.
Dan il-kumitat se jkun kompost minn stakeholders ewlenin, fosthom il-Kunsill Lokali tal-Belt, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-Korp tal-Pulizija, id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubbliku.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat se jkun is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Anthony Gatt.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn saret it-tnedija, intqal li x-xogħol diġà beda, permezz ta’ tim tat-tindif u l-hekk imsejħin Valletta Stewards, li qed iduru madwar il-Belt biex jimmoniterjaw, saħansitra fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
Il-Valletta Stewards twaqqfu, fost l-oħrajn, b’kollaborazzjoni mal-forzi tal-ordni, jaġixxu bħala deterrent għall-vandaliżmu u l-illegalitajiet, biex iżommu l-ordni, biex jgħinu lin-nies tal-lokal u t-turisti, u biex jassiguraw li kulħadd iżomm mal-liġijiet u r-regolamenti.
Dan minbarra li se ssir aktar enfażi fejn tidħol l-estetika, anke f’affarijiet żgħar, waqt li ngħad li sar investiment f’aktar makkinarju għal dan il-għan.
Dawn id-dettalji ngħataw mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, il-Ministru għat-Turizmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, fost l-oħrajn.
Il-Ministru Bonnici nnota kif il-Belt Valletta, anke bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji rikonoxxut mill-UNESCO, teħtieġ attenzjoni kontinwa.
“L-aktar li attirat feedback kien il-bżonn ta’ kumitat li jġib flimkien l-istakeholders f’dan is-settur. Allura ngħaqadna, il-Ministeru tat-Turiżmu u aħna, biex poġġejna flimkien l-aqwa talent li għandna, biex nibdew naħdmu mill-ewwel għal-dehra u ż-żamma aħjar tal-Belt Valletta.”
Il-Ministru Bartolo, min-naħa tiegħu, irrimarka kif il-bilanċ irid jirrenja f’dak kollu li nagħmlu.
“Irridu naraw li, permezz ta’ tim li jieħu ħsieb l-indafa u l-manutenzjoni, u team ta’ stewards, ikollna monitoraġġ għaddej matul il-ġurnata kollha biex b’hekk inżommu l-organizzazzjoni fil-Belt u ngħollu kemm il-kwalità tal-għajxien tar-residenti Beltin kif ukoll il-prodott turistiku, li jgawdu minnu mhux biss it-turisti, iżda anke l-Maltin u l-Għawdxin.”
Intqal li fiż-żmien li ġej, se jitħabbru iżjed inizjattivi rigward l-installazjoni ta’ marki u tabelli ġodda u iżjed opportunitajiet ambjentali li, permezz tagħhom, it-toroq pubbliċi fil-Belt joffru prodott ta’ kwalità għal ħajja aħjar għal kull min iżurha.