Ġie mniedi ktieb ġdid dwar l-attentat fl-1973 minn żewġ negozjanti biex ixaħħmu lill-membru Parlamentari Għawdxi Anġlu Camilleri, magħruf bħala l-“Bedeq”, biex iwaqqa’ l-Gvern Laburista ta’ Dom Mintoff.
Il-pubblikazzjoni l-ġdida tal-SKS, bl-isem ‘IL-BEDEQ: Riedu jixtruh biex iwaqqa’ l-Gvern’, tnieda quddiem l-istess residenza fin-Nadur, Għawdex, fejn nhar il-31 ta’ Mejju ta’ 52 sena ilu, Roger Camilleri u Ronnie Said kienu marru għand id-Deputat Laburista u offrewlu s-somma sostanzjali ekwivalenti għal €1,800,000 fil-valur tal-lum biex iwaqqa’ l-Gvern li kellu maġġoranza ta’ siġġu wieħed.
Francis Galea, l-awtur tal-ktieb, spjega kif iż-żewġ negozjanti ma kinux jafu li moħbijin f’kamra oħra tad-dar kien hemm l-Ispettur John Piscopo u s-Surġent Spiridione Gauci, li mbagħad arrestawhom.
Tenna li ż-żewġ negozjanti ma setgħux jiġu pproċessati fil-Qorti, għax waqt li l-liġi kienet tibgħat sentejn ħabs lil min jipprova jixtri plejer tal-futbol, dak iż-żmien ma kienet teżisti l-ebda piena għal min jipprova jikkorrompi membru Parlamentari.
Wara dan l-episodju, il-Gvern kien ressaq Każ ta’ Ksur ta’ Privileġġ fil-Parlament fejn in-negozjanti ġew ipproċessati u nstabu ħatja. Huma ngħataw il-piena massima ta’ xahrejn ħabs kull wieħed.
“Li kien hemm interessanti hu, li fil-ktieb se tkun aktar imfissra, li dawn iż-żewġ negozjati baqgħu jgħidu li kienu mibgħutin. Mibgħutin mingħand min? Kien x’kien, l-iskop kien li l-Gvern jaqa’.”
Francis Galea, Awtur tal-Ktieb
Il-ktieb jirriproduċi kelma b’kelma r-reazzjonijiet tal-membri tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni fil-proċess fil-Parlament fuq medda ta’ ħames seduti differenti bejn l-4 u t-13 ta’ Ġunju tal-1973, bi sfond storiku tal-ewwel xhur tal-Gvern ta’ Mintoff, fejn fost oħrajn kien għalaq il-Kwartieri Ġenerali tan-NATO f’Malta u pprojbixxa li bastimenti militari Amerikani milli jidħlu fil-Port il-Kbir.
Minbarra hekk, l-awtur jiżvela rapporti kunfidenzjali li jinsabu fil-‘Kissinger Cables’, li jmorru bejn l-1973 u l-1976 u jkopru 1.7 miljun rapport diplomatiku u tas-servizzi sigrieti Amerikana, fosthom aġġornamenti politiċi mgħoddija mid-Deputat Nazzjonalista Mario Felice lill-Ambaxxatur Amerikan għal Malta, John Getz.
Joħroġ kif Felice qallu li “l-attentat ta’ tixħim tal-‘Bedeq’ kien kważi suċċess”.
“Il-Gvern Laburista kien ilu sentejn fil-Gvern u kellu maġġoranza ta’ siġġu wieħed biss, deputat wieħed, fejn kieku Anġlu Camilleri ċeda għar-rikatt tagħhom biex jinxtara, kien jaqa’ l-Gvern Laburista, minkejja li kien rebaħ b’maġġoranza ta’ aktar minn 4,500 vot.”
Francis Galea, Awtur tal-Ktieb
Galea kompla li l-“Bedeq”, li kellu familja kbira b’16-il tifel u tifla, informa lill-Pulizija u lill-Prim Ministru minnufih. Meta ġie mistoqsi kif m’aċċettax dak l-ammont enormi ta’ flus, il-Bedeq wieġeb li “jien kont suldat tal-azzar fil-maltemp, għala m’għandix nibqa’ suldat tal-azzar fil-bnazzi?”.