Infetaħ għall-pubbliku il-kors ‘Bikeability’. Dan il-każ jinvolvi sessjonijiet ta’ prattika u teorija għas-sewqan tar-roti, dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.
Huwa stqarr li l-Ministeru flimkien mal-kumpanija Next-Bike Malta qed iniedi din l-inizjattiva bil-għan li tħeġġeġ iċ-ċikliżmu bħala alternattiva nadifa tat-trasport, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet iġġenerati minn dan is-settur.
Din l-inizjattiva hija mmirata biex tinħoloq iktar kuxjenza fost il-pubbliku dwar l-importanza li jitnaqqsu l-impatti negattivi relatati mat-tibdil fil-klima, fejn fl-istess ħin, l-individwu li jagħmel użu mir-rota jkun qed jibbenifika wkoll mill-aspett tas-saħħa fiżika u mentali, speċjalment waqt iż-żminijiet kurrenti.
Il-kors ‘Bikeability’, li se jkun miftuħ għal individwi ta’ ‘l fuq minn 16-il sena, ser jiġi offrut minn għalliema professjonali mħarrġa apposta u akkreditati skont l-Istandards Nazzjonali taċ-Ċikliżmu tar-Renju Unit. Dan huwa taħriġ li ġie mwettaq minn waħda mill-ikbar organizzazzjonijiet fir-Renju Unit magħrufa bħala BikeRight.
Il-kors ser ikun maqsum fi tliet livelli differenti ta’ taħriġ fejn il-parteċipanti ser jiġu pprovduti bil-materjal neċessarju, inkluż l-użu tar-rota.
Il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar ħeġġeġ lill-Kunsilli lokali, NGOs, kumpaniji, u organizzazzjonijiet privati u pubbliċi biex japplikaw, ħalli b’mod kollettiv jibda jingħaqad kulħadd u jibdew jintużaw iktar modi tat-trasport nodfa. Dan għaliex ir-rota hija waħda mill-iktar vetturi effiċjenti fejn iċ-ċikliżmu jnaqqas il-ħin tat-traġitt, filwaqt li jnaqqas il-karozzi mit-toroq, b’riżultat ta’ gwadann ambjentali u ta’ inqas emissjonijiet u effetti tat-tibdil fil-klima.
Dan il-kors ser jiġi offrut diversi drabi, u se jkun aċċertat ukoll li tinżamm id-distanza soċjali u li jiġu rrispettati r-regolamenti marbutin mal-pandemija tal-COVID-19 li jkun hemm fis-seħħ fil-mument.