Tnieda fond ta’ €125,000 li se jkun allokat għal proġetti ta’ riċerka fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri spjega kif b’ħidma konġunta mal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, il-massimu li wieħed jista’ jgawdi minn din is-somma huwa ta’ €25,000, liema fond se jkun qed iservi ta’ għajnuna għal riċerka innovattiva f’dan il-qasam li se twassal għal proġetti ta’ bżonn.
“Hawn qed naraw li jkollna minn tal-inqas ħames proġetti minn Malta li jkun qed jiffukaw fuq riċerka applikata tal-Intelliġenza Artifiċjali.”
Il-Ministru Schembri spjega kif dawk eliġibbli għal dan il-fond huma istituzzjonijiet edukattivi li jiffokaw fuq ir-riċerka, fejn l-applikant jista’ wkoll jingħaqad ma’ entità privata biex b’hekk ikun hemm kollaborazzjoni bejn l-akkademja u l-industrija. Spjega kif l-Intelliġenza Artifiċjali tintuża ta’ spiss anke fl-aktar affarijiet bażiċi.
“Illum il-ġurnata l-Intelliġenza Artifiċjali tinsab magħna u normalment qas inkunu naf. Bħal meta wieħed ikun qed ifittex fuq l-Internet u imbagħad ħafna drabi jibdew jitilgħu ħafna riklami marbutin ma’ dak li nkunu fittixina. Dik ma tkunx kumbinazzjoni imma dak is-software jkollu dik it-teknoloġija li twassal għal hekk. Issa dan l-istess softwar nistgħu napplikawh għal setturi oħra fosthom tas-saħħa, infrastruttura, fost oħrajn.”
Spjega kif permezz ta’ fond bħal dan, pajjiżna jkompli jkun pijunier fil-qasam diġitali hekk kif Malta tinsab fuq quddiem nett meta jiġu għal miżuri ġodda f’dan il-qasam tant li Malta tkun jew diġà implimentathom jew tkun fil-proċess li timplimentahom.
Iċ-Chairperson tal-MDIA, Joshua Ellul, spjega kif l-Awtorità tinsab impenjata biex iżżomm lil Malta fuq quddiem nett b’rabta mar-regolamenti tal-Intelliġenza Artifiċjali u kif l-AI għandu rwol importanti fil-ħajja ta’ kuljum.
Intant, dawk li huma interessati biex japplikaw jistgħu jidħlu fuq is-sit www.mdia.gov.mt/ai-research, jimla l-formola u jibgħatha fuq info@mdia.gov.mt sal-aħħar ta’ Marzu.