Il-Gvern nieda l-Fond għall-Iżvilupp tal-Akkomodazzjoni bil-għan li jsaħħaħ u jżid s-servizzi u faċilitajiet fil-qalba tal-komunitajiet Maltin.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Komunitajiet Alex Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet f’Birkirkara hekk kif b’daqqa ta’ pinna ġie ffirmat ftehim li jorbot lill-Komunità Malta u Residenza Malta sabiex fuq perjodu ta’ tliet snin jikkontribwixxu €1.5 miljun.
B’hekk dan il-fond fi ħdan l-Awtorità tad-Djar ikun jista’ jamministra dawn il-flus biex itejjeb il-qagħda ta’ eluf ta’ persuni li jgħixu f’oqsma ta’ akkomodazzjoni soċjali u l-inħawi tal-madwar.
Iċ-Chairperson fuq il-bord li jmexxi dan il-fond Charmaine Mangion spjegat kif Komunità Malta u Residenza Malta fil-fatt se jkunu qed jikkontribwixxu kwart ta’ miljun ewro kull wieħed fis-sena sabiex dawn il-proġetti fil-komunitajiet ikunu jistgħu jipproċedu.
Hija spjegat: “Proġetti relatati ma’ sport, proġetti għal ambjent aħjar, għal iktar spazzji rikreattivi, anke proġetti forsi relatati mal-arti biex kull individwu nilħquh u nsaħħu l-benessere tal-komunità finalment.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru Galdes sostna li dan il-fond huwa turija ta’ kemm il-Gvern mhux biss huwa kommess li jibni postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali iżda li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja.
Il-Ministru Galdes stqarr: “Ser inkunu qegħdin naħdmu bi proġetti bi sħab ma’ għaqdiet soċjali, għaqdiet sportivi, bil-għan li anke dawk in-nies li jgħixu fil-komunitajiet tagħna ntuhom faċilitajiet oħrajn. Faċiltajiet essenzjali wkoll li bihom l-Awtorità tad-Djar tista’ ttejjeb il-viżjoni tagħha għas-settur tal-akkomodazzjoni f’pajjiżna imma finalment ukoll il-ġid komuni jkompli jitqassam minn naħa tal-Gvern b’ġid ma’ kulħadd.”
Intant is-Segretarju Parlamentari Muscat spjega li l-fondi ta’ Komunità Malta u Residenza Malta ġejjin mill-programmi ta’ ċittadinanza u residenza b’investiment.
Huwa qal, “Flus li qed noħolqu minn investiment barrani dirett li ser jintuża direttament biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna. Aħna għalhekk qed noħolquh il-ġid biex b’mod soċjalment ġust inwassluh għand in-nies biex intejbulhom ħajjithom.”