Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, nedew għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija nazzjonali għal Sistemi tal-Ikel Reżiljenti.
Din għandha l-għan li twassal biex il-katina tal-ikel f’pajjiżna tkun waħda reżiljenti u anke sostenibbli.
L-istrateġija se tagħti importanza lill-elementi essenzjali tas-sistema tal-ikel, hekk kif anke ġew stabbiliti tliet pilastri ewlenin, li jirrappreżentaw għanijiet importanti. Il-prijorità tibqa’ l-prodott lokali u l-produtturi.
Hu għalhekk li dan kollu se jwassal għal sistemi ġusti, vijabbli u reżiljenti, fejn il-pajjiż irid ikun lest għal kull eventwalità li tista’ tinqala’.
L-ewwel pilastru se jkun qed jipprijoratizza l-vijabilità u l-importanza tas-setturi tal-biedja u l-akkwakultura, waqt li t-tieni u t-tielet pilastri jħarsu lejn l-innovazzjoni teknoloġika fl-ikel u kif għandna nkunu kburin bl-ikel lokali rispettivament.
Il-Ministru Refalo tenna kif din l-istrateġija trid twassal biex ikun hawn sistemi tal-ikel aħjar anke fil-futur.
“Importanti wkoll li din il-katina tal-ikel tkun waħda inklussiva fis-sens li rridu nħarsu lejn l-atturi kollha fil-prodott li finalment joħroġ. Importanti wkoll li dan il-prodott li joħroġ ikun fih il-value added, jiġifieri il-valur miżjud li wara kollox hu l-prodott Malti u Għawdxi.”
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said ukoll tkellmet dwar l-importanza tal-prodott lokali.
“Hawnhekk qegħdin naraw strateġija biex anke nisimgħu mingħand iċ-ċittadini kif għandna nkomplu nsaħħu l-produzzjoni lokali f’pajjiżna, kif għandna nkomplu ngħinu lill-bdiewa, is-sajjieda u l-produtturi kollha lokali biex, fl-aħħar mill-aħħar, aħna bħala pajjiż sovran, ikollna sigurtà tal-ikel illum u anke fil-futur.”
Sadanittant, Sonya Sammut, Direttriċi għas-Sistemi tal-Ikel, qalet li l-pubbliku qed jiġi mistieden biex jikkontribwixxi f’din l-istrateġija sal-aħħar ta’ Novembru li ġej.
“Din tal-lum hi tnedija tal-abbozz. Issa l-pass li jmiss hu li niffinalizzawha flimkien, bl-istedina tagħna biex jipparteċipaw kemm biex ikollna stateġija finali, imma l-aktar biex inwettquha, jiġifieri stedina biex naħdmu flimkien biex veru nsaħħu l-katina tal-ikel ta’ Malta.”