Transport Malta bdiet b’ħidma sabiex tneħħi sinjali u tabelli mwaħħlin fit-toroq Maltin mingħajr permess.
Dan bl-għan aħħari li tagħmel it-toroq f’pajjiżna aktar siguri għas-sewwieqa.
Dwar dan ONE News tkellem mal-Viċi Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, is-Sur Kevin Farrugia hekk kif spjega li dan il-programm mill-entità tal-Gvern ser jara wkoll li jerġa’ jsebbaħ it-toroq Maltin li huma mifnija b’dawn it-tabelli u sinjali kummerċjali mwaħħlin b’mod illegali.
Is-Sur Farrugia spjega: “Biex twaħħal tabella fit-triq għandu jintalab permess lill-awtoritajiet kompetenti inkluż it-Tranpsort Malta. Għaliex? Għax dan jassigura li f’kull evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet li jkun hemm nassiguraw road safety li huwa obbligu għal Awtorità bħal tagħna.”
Spjega wkoll kif il-periti tal-entità tal-Gvern jimxu ma’ regoli stabbilit fil-liġi Maltija sabiex jevalwaw applikazzjonijiet għal tabelli fit-toroq.
Is-Sur Farrugia kompla jispjega: “Għandna d-Dipartiment tat-tiswijiet tagħna għaddej kważi kważi l-ħin kollu bħalissa kemm binhar u anke matul is-sigħat tal-lejl biex inneħħu dawn it-tabelli malajr kemm jista’ jkun mit-toroq.”