Madwar sebgħin dgħajsa u opra tal-baħar li kienu abbandunati fuq xtut, bajjiet u toroq, tneħħew minn diversi ħadiema tas-Servizz Pubbliku li huma involuti fil-Kampanja “Insebbħu Pajjiżna”.
Id-dgħajjes abbandunati kienu qed jostakolaw il-passaġġi, ikerrħu l-ambjent u anki jieħdu spazji ta’ parkeġġ.
Dan l-eżerċizzju ta’ infurzar sar fix-Xatt tal-Isla, fil-Bajja ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn u f’diversi nħawi f’Marsaxlokk.
Matul il-jum tal-Ħamis, diversi għaddasa mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bdew eżerċizzju ta’ tindif ta’ skart mormi illegalment fil-baħar. Fost il-materjal li ttella’ kien hemm biċċiet tal-ħadid, tyres u materjal ieħor tal-kostruzzjoni.
Din il-Kampanja hija kkordinata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parmanenti Ewlieni u hemm involuti diversi ħaddiema minn entitajiet differenti.