L-Awtorità għall-Ippjanar neħħiet żewġ scrapyards illegali li jinsabu ’l barra miż-żona ta’ żvilupp fil-Wardija u s-Siġġiewi, b’medda mdaqqsa ta’ art terġa’ tibda tieħu r-ruħ.
L-iscrapyard tal-Wardija, li kienet tinsab f’żona magħrufa bħala Ras il-Wied u li kienet qed tieħu post ħames għelieqi, ġiet imnaddfa mill-materjal kollu akkumulat tul l-aħħar snin.
Fl-aħħar xhur, l-Awtorità intervjeniet f’żewġ okkażjonijiet differenti biex tagħti ċans lis-sid ineħħi l-materjal li ntrema b’mod illegali. Minkejja d-diversi n-notifikazzjonijiet, is-sid ma ħa l-ebda azzjoni bl-Awtorità tieħu l-passi neċessarji biex iż-żoni jiġu mnaddfa fl-iqsar żmien. L-ispejjeż se jagħmel tajjeb għalihom min wettaq il-kontravenzjoni.
Uffiċjali mid-Direttorat għall-Infurzar għamlu l-istess b’scrapyard fi Triq Nikola Baldacchino, fil-limiti tas-Siġġiewi. L-Awtorità ipproċediet wara li s-sid ma żamx mal-ftehim li kellu mal-awtorità, b’din tal-aħħar tinforza u tneħħi materjal mifrux fuq medda ta’ 3,700m2 ta’ art b’ħafna minnhom ikunu vetturi abbandunati u materjal ieħor skrappjat.