Ir-Reġistru tan-Negozji ta’ Malta neħħa għaxart elef kumpaniija li ma kinux attivi jew konformi mat-tagħrif dikjarat bil-liġi.
Dan huwa parti integrali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus biex jiġi assigurat li l-kumpaniji jkunu regolati skont il-liġijiet Maltin bil-konsegwenza li jistgħu jitneżżgħu mil-liċenzja biex joperaw.
Ir-Reġistrar tal-kumpaniji Jospeh Farrugia stqarr li dan l-eżerċizzju tħejja minn taqsima ġdida li twettaq spezzjonijiet u toħroġ multi jekk ma jkunux konformi mat-tagħrif li ddikjaraw huma stess.
Huwa spjega: “Il-proċess fil-fatt kien waħda mill-rakomandazzjonijiet ta’ Moneyval fejn ġibdulna l-attenzjoni li numru ta’ kumpaniji kienu inactive ngħidulhom aħna, mitluqin, ma nafux jekk hux qed joperaw jew mejtin jew abbandunati. Għamilna proċess twil li f’dak il-każ aħma sa Lulju sa nofs xahrejn ilu tajjarna għaxart elef kumpanija. Għamilna wkoll ix-xogħol tagħna fis-sens rajna, għamilna due diligence fuqhom biex jekk sibna kienx hemm xi kumpaniji li setgħu kienu abbużivi ħadna l-passi neċessarji, irraportajniehom biex jekk kien hemm xi ħadd qed jiffroda jew inkella seta’ abbuża minn money laundering wieħed seta’ jieħu passi kontrih.”
Farrugia saħaq li grazzi għall-eżerċizzju, mal-mija u ħamsin kumpanija ngħataw iċ-ċans jirregolaw ruħhom. B’kollox s’issa, din l-istess taqsima wettqet mat-tliet mija u sittin spezzjoni.
Huwa sostna: “Fil-fatt minnu ħareġ il-frott għaliex kien hemm minnhom li minkejja kienu abbandunati għal snin illum ġew lura fuqna għax tajniehom perjodu fejn wieħed jista’ joġġezzjona jew jista’ jirristorja u jpoġġiha lura fuq ir-reġistru billi rregolarizza ruħu allura hekk ivverifikajna data, iċċekkjajnieha wkoll li għandna data accurate, dik kienet ukoll waħda mid-dubji li wieħed ikollu. Aħna nżommu reġistru uffiċjali li jrid ikun accurate u hekk qed nagħmlu due diligence anki fuq dawk il-persuni ta’ kull kumpaniji li tiġi kemm revived kif ukoll jekk tiġi reġistrata bħala kumpanija ġdida.”