Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima Jose Herrera ħabbar li matul din is-sena twettqet ħidma mill-Valley Management fi ħdan Ambjent Malta sabiex jnaddfu u jirrijabilitaw dawn il-widien u b’kollox tneħħa madwar 250 tunellata ta’ materjal li kien jikkonsisti fi skart mormi illegalment u pjanti invasivi.
- Wied is-Sewda, Wied iċ-Ċawsli u Wied il-Kbir f’Ħal Qormi
- Wied Qirda, Wied Baqqiegħa, Wied ta’ San Martin u Wied Sant Anton f’Ħaż-Żebbuġ
- Wied Ħesri u Wied il-Girgenti fis-Siġġiewi
- Wied Għomor, Swieqi,
- Wied Għar id-Dwieb u Wied il-Qlejjgħa fir-Rabat,
- Wied Għammieq, Kalkara
- Marsa Sports Ground Channel, il-Marsa
- Wied Blandun, limiti tal-Fgura/Paola
Il-Ministru Herrera ħabbar ukoll li f’Lulju ta’ din is-sena bdiet ħidma f’Wied il-Mistra minn Ambjent Malta. Ix-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni jinkludu t-tneħħija f’fażijiet ta’ qasab li qed jikkawża għargħar fil-madwar. Dan il-qasab ser jiġi sostitwit bi pjanti indiġeni. Wara t-tneħħija tal-qasab, ser jiġu restawrati il-ħitan tas-sejjieħ eżistenti sabiex jitnaqqas it-telf tal-ħamrija u l-akkumulazzjoni tal-materjal fil-kanal tal-ilma. Dan il-proġett se jinvolvi wkoll il-ħolqien mill-ġdid tal-abitat tal-ibħra mielħa li tinsab fil-Bajja tal-Mistra u li jifforma parti mis-sit Natura 2000 tax-Xagħra tal-Kortin.
Il-Ministru Herrera spjega wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda x-xogħol fuq il-Kanal tal-Marsa sabiex jitneħħa materjal u skart mormi illegalment fis-sit. Dan ix-xogħol ser jgħin sabiex tnaqqas il-problema tal-għargħar li hemm f’din iż-żona.