L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji ħabbar li l-miżata ta’ erbgħin ewro li l-għaqdiet volontarji riedu jħallsu għall-ġbir pubbliku u biex ikunu rreġistrati l-ħwienet tal-karità ġiet imneħħija kompletament.
Fi stqarrija l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji spjega li din il-miżata tneħħiet biex dawn l-għaqdiet jiġu mgħejjuna iżjed.
Intqal li dawk l-għaqdiet li laħqu ħallsu din il-miżata se jingħatawlhom lura l-flus filwaqt li dawk l-għaqdiet jew ħwienet tal-karità se jħallsu biss ewro għal kull bott tal-karità li jkollhom.
Il-ħlas tal-ewro se jiġi mogħti lura meta l-bottijiet jirritornaw għand l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.
Intqal ukoll li d-dokumenti biex jiġu resġitrati attivitajiet ta’ ġbir ta’ pubbliku se jibqgħu fis-seħħ skont kif inhu mitlub mil-liġi.