Il-pubbliku wera x-xewqa li l-ambjent jkun fuq l-istess livell tal-ekonomija u l-qasam soċjali u għal din ir-raġuni aħna ser inħejju strateġija li tħares lejn it-30 sena li ġejjin.
Dan saħqu l-Ministru għall-Ambjent, l-Ippjanar u t-Tibdil fil-Klima, Aaron Farrugia waqt it-tnedija ta’ żewġ dokumenti li f’Settembru li ġej ser ikunu miftuħa għall-iskrutinju pubbliku.
Il-Ministru Farrugia stqarr li dawn id-dokumenti kienu mħejjija permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-riżorsi fost oħrajn.
Huwa stqarr: “Fuq naħa wieħed għandek il-pjan strateġiku għall-ambjent u l-ippjanar li minnu mbagħad joħorġu l-local plans, joħorġu l-masterplans li jiggwidaw l-awtorità tal-ippjanar ta’ x’permessi jistgħu jagħtu, x’bini jista’ jkun hemm, fejn jista’ jkun u x’tip ta’ bini wieħed jista’ jiżviluppa. Il-pjan nazzjonali għall-ambjent 2050 ħa jkun l-ewwel wieħed għax-xorti tiegħu u dan kif diġa’ spjegajt se jagħti ħarsa lejn l-ambjent lil Malta tal-2050. Mela ċikli ta’ għaxar snin kull wieħed, mela tliet ċikli iwassluna biex kull ministeru, kull entità ipoġġu l-ambjent fuq quddiem nett tal-ħidma tagħhom.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-riżorsi, il-Perit Michelle Piccinino qalet li issa pajjiżna għandu qafas politiku li fiċ-ċentru tiegħu hemm l-ambjent.
Hija spjegat: “It is a first għal Malta li għandna din it-tip ta’ strateġija allura dan id-dokument li ser inkunu qegħdin inniedu għall-konsultazzjoni pubblika qed iwassal il-viżjoni li aħna qed naraw li għandu jkollha din l-istrateġija.”
Ic-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Martin Saliba stqarr kif dan id-dokument ser iħaddan fih il-politika mhux biss tal-Awtorità iżda tal-pajjiż fil-konfront tal-iżvilupp.
Huwa qal: “Dan huwa meħtieġ biex aħna qabel issa nirrevedu l-pjanijiet li għandna eżistenti, pjanijiet tal-iżvilupp, naraw fejn qegħdin, nieħdu stock tas-sitwazzjoni soċjali, ekonomika u anki ambjentali tal-pajjiż u b’hekk inkunu iktar f’pożizzjoni aħjar illi r-reviżjonijiet li għandhom bżonn isiru fuq livell lokali nkunu nistgħu nibdewhom u nlestuhom ukoll.”