Il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija nieda s-sitt edizzjoni tal-iSmart and Sustainable Business Awards, li qed issir fuq inizjattiva tal-Policy Development and Programme Implementation Directorate fi ħdan l-istess ministeru, b’kordinazzjoni mal-Cleaner Technology Centre fl-Università ta’ Malta. Fond immirat li jippremja l-isforzi ta’ negozji mikro, żgħar u ta’ daqs medju favur prattiċi smart u li jżidu s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali.
Is-Segretarju Permanenti Nancy Caruana spjegat kif in-negozji sostenibbli huma dawk li jiżguraw li r-riżorsi umani, finanzjarji u naturali jiġu utilizzati b’mod ġust u effiċjenti sabiex jintlaħaq titjib fl-innovazzjoni u l-produttività. Din is-sena żdied it-terminu ‘smart’, fejn qed tingħata ħarsa lejn negozji li jħaddnu għodod diġitali fl-operat tagħhom. Dawn jistgħu jvarjaw minn sempliċi website sa użu tal-midja soċjali jew web applications oħrajn. Hija żiedet tgħid kif, apparti minn hekk, in-negozju sostenibbli hija dik il-kumpanija li tapplika prattiċi sostenibbli matul l-attività kollha tagħha; minn disinn u żvilupp tal-prodotti u servizzi, proċessi tax-xogħol, il-post tax-xogħol innifsu, kif ukoll proċessi maniġerjali.
Id-Dirett tal-Iżvilupp tal-Politika fi ħdan il-Ministeru Jeffrey Bugeja qal li l-objettiv ta’ dan il-premju huwa li jirrikonoxxi dawk in-negozji li fl-operat tagħhom qed iħaddnu l-kunċett ta’ sostenibbiltà. Dan jinkludi l-pilastru ekonomiku. Eżempju ta’ dan huwa l-użu ta’ għodod diġitali li filwaqt li jtejbu s-servizz, jitnaqqas l-użu tal-karta jew plastik fil-proċess. Huwa qal kif pilastru ieħor huwa dak ambjentali, li jaħdem id f’id ma’ dak ekonomiku. Is-Sur Bugeja qal kif it-tielet pilastru, dak soċjali, huwa importanti u parti essenzjali fil-katina tas-sostenibbiltà għaliex iħares lejn il-lat uman.
L-applikazzjoniijet se jibdew jintlaqgħu mid-9 ta’ Awwissu sas-17 ta’ Settembru 2021. L-applikazzjoni, kif ukoll il-linji gwida jistgħu jiġu mniżżla minn fuq s-sit elettroniku www.economy.gov.mt billi wieħed jagħfas fuq il-banner ‘Smart and Sustainable Business Award’.