Ibrahim Micallef, ta’ tmintax-il sena minn San Pawl il-Baħar, se jqatta xi żmien fil-faċilita YOURS fl-Imtaħleb, wara li nstab ħati li daħal f’ristorant u seraq minn ġo fih.
Micallef, li nstab ħati ta’ diversi reati fil-passat, kien akkużat li seraq tlett settijiet tat-televiżjoni u xorb alkoħoliku minn ristorant f’San Pawl il-Baħar fit-tmintax ta’ Marzu.
Huwa kien akkużat ukoll li fl-istess jum ikkawża ħsara fuq proprjeta u wettaq dawn ir-reati waqt perjodu ta’ ħelsien mill-arrest.
Micallef wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Filwaqt li ommu, li hija barranija, qalet li binha sofra ħafna f’ħajtu, il-Maġistrat Joe Mifsud qalilha li binha kien responsabiltà tagħha, u li d-dixxiplina tibda d-dar.
L-akkużat qal lill-Qorti li kellu bżonn għajnuna medika għal qalbu u kif ukoll appoġġ psikoloġiku.
Filwaqt li kienet ikkunsidrata l-eta tiegħu, il-Qorti ma bagħtitux il-ħabs, iżda se żżommu arrestat għal żmien mhux speċifikat fil-YOURS, fejn se jingħata l-assistenza.