Beda jinstema’ l-każ kostituzzjonali li fetaħ Emanuel Camilleri, ir-raġel li għamel sentejn u nofs il-ħabs għalxejn wara li nstab ħati li abbuża minn bintu wara li din tal-aħħar kienet imġiegħla tigdeb minn ommha. Fil-bidu tas-smigħ l-avukat talab lil Prim Imħallef, Silvio Camilleri, biex jirtira mill-każ għaliex hu kien Avukat Ġenerali fiż-żmien li seħħ il-każ.
Iżda, din ġabet l-Oppożizzjoni ta’ l-Avukat Ġenerali llum, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ispettur Louise Calleja li kontriha qed jinstema wkoll il-każ bħala prosekutur. L-avukati ta’ Calleja argumentaw li l-prosekuzzjoni fil-każ talbet il-parir tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mhux tal-Prim Imħallef innifsu.
Għal dan wieġeb l-avukat ta’ Emanuel Camilleri li qal li m’hemm ebda garanzija li meta Silvio Camilleri kien avukat ġenerali ma kienx ikkonsultat minn xi ħadd minn nies fl-uffiċċju tiegħu. Hawn il-Prim Imħallef sostna li qatt ma kien ikkonsultat dwar il-każ għaliex kieku kien jirtira minnhu hu.