Id-deputat Nazzjonalista leali lejn Adrian Delia, Edwin Vassallo ntbagħat fuq radju 101 biex jitlob lil ta’ Busuttil jissaportu ftit.
Vassallo, li mhux l-ewwel darba intuża għal dawn it-tip ta’ mossi, bħal meta kien mar fuq Xarabank iżomm idejn Franco Debono fi kriżi oħra ta’ GonziPN, qal lil dawk li sfiduċjaw lil Adrian Delia biex jistennew sal-elezzjoni li jmiss imbagħad filkas jintgħażel kap ġdid.
Huwa appella: “Ngħixu flimkien, imqar sal-elezzjoni li ġejja. Ejja mmorru sal-elezzjoni li ġejja, nagħmlu kulħadd ħiltu li jirbaħ l-elezzjoni li ġejja. L-istatut qed hemm, jekk nitilfu l-elezzjoni jkun hemm elezzjoni ta’ Kap ġdid. L-elezzjoni ma baqalhiex mitejn sena oħra. Kapaċi nistennew ftit xhur, ftit ġimgħat, sitt xhur, sena minn tal-inqas?
It-ton ta’ rikonċiljazzjoni fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista ma kompliex wisq, anki jekk Delia ma marx fuq it-televiżjoni bħal ma jagħmel is-soltu l-Ħadd u minflok, intefgħu juru d-drama.
B’attakk aħrax fuq ta’ Busuttil, Edwin Vassallo tkellem fuq dawk li jitfgħu l-ġebla u jaħbu idhom u li qed jeqirdu l-Partit Nazzjonalista u lil Adrian Delia.
Vassallo stqarr: “It’s not just Delia who is being destroying PN. Huwa kulħadd, huwa kulħadd inkluż kull min qiegħed jixtieq li naslu s’hemm. Kull min qiegħed jimbotta biex naslu s’hemm. Għax ma tistax titfa’ l-ġebla u taħbi idek.”
Hu u jħambaq fuq il-kriżi kbira fl-Oppożizzjoni Nazzjonalista, id-deputat li vvota favur Delia staqsa min kisser il-partit u li dan il-ġlied se jħalli tifrik fil-partit tal-maduma.
Vassallo staqsa: “Who is really destroying PN? Min? Min? Min? Għaliex? Għaliex wasalna s’hawn?”
Huwa sostna: “Il-gwaj hu li meta jiġġieldu tnejn u jispiċċaw il-ġlied jikber, imbagħad lanqas dawk it-tnejn ma ssib, issib biss tifrik.”
Lil tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, id-deputat tal-fazzjoni ta’ Adrian Delia semmielhom kumment li għaddielu xi ħadd minn barra d-Dar Ċentrali.
Vassllo kompla jgħid: “Qalli intom ġejtu maħkuma mill-korruzzjoni tal-mibegħda ta’ wieħed lejn l-ieħor. Dan an outsider point of view.”
Intant fl-istess programm fuq ir-radju li ntuża biex iwassal il-vuċi tal-fazzjoni Delia, reġa’ tkellem Samuel Azzopardi, il-President tal-Kunsill Reġjonali t’Għawdex għall-Partit Nazzjonalista.
Azzopardi kompla jiħrax fl-attakki tiegħu fil-konfront tal-fazzjoni l-oħra li trid lil Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Huwa għajjarhom b’arroganza u intenzjonijiet ħżiena: “Jew t’arroganza, forsi arroganza intelletta jekk mhux intenzjoni ħażina, sewwa? Ta’ m’għadditx tagħna minn hawn, trid tgħaddi minn hawn.”