Wieħed mill-imputati fil-każijiet tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-avukat Carmel Chircop talab formalment li l-imħallef Edwina Grima, li qed tisma’ l-każ, ma tkomplix tagħmel dan.
L-avukat Ishmael Psaila, li qed jirrappreżenta lill-akkużat Jamie Vella, argumenta li l-imħallef semgħet u għadha qed tisma’ wkoll każijiet separati b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Akkużati ma’ Vella b’rabta maż-żewġ każijiet hemm ukoll George Degiorgio, u l-aħwa Adrian u Robert Agius.
Min-naħa tiegħu, l-avukat ta’ Degiorgio, Noel Bianco, qalli li billi m’ilux li ħa fi jdejh id-difiża, l-akkużat ma kellux iċ-ċans li jressaq it-talbiet tiegħu ta’ qabel il-ġuri minħabba li r-rappreżentanza legali ta’ qablu ma kinitx għamlet dan. Huwa qal li pprova kemm-il darba jagħmel kuntatt mal-avukat tal-għajnuna legali, Cynthia Tomasuolo, biex jiddiskuti dwar il-ġuri, iżda ma kellux risposta. Fil-frattemp, il-limitu taż-żmien biex Degiorgio jagħmel dan skada.
L-imħallef Grima ddeferixxiet il-kawża għall-Erbgħa biex tieħu deċiżjoni dwar it-talba għar-rikuża. Talbet ukoll lill-avukat Tomasuolo biex titla’ quddiemha dakinhar sabiex tiġġustifika għaliex ma kinitx ippreżentat fil-Qorti nota dwar it-talbiet ta’ qabel il-ġuri fil-kaz kontra Degiorgio.