Ma hemm l-ebda evidenza li torbot lill-kannabis mal-bidu ta’ użu ta’ drogi aktar qawwija.
Dan saħaq fuqu l-President tal-organizzazzjoni Releaf Malta Andrew Bonello fuq il-programm Follow-Up fuq ONE, meta ġie mistoqsi dwar il-konsum tal-kannabis bħala introduzzjoni lejn id-dinja ta’ drogi aktar qawwija.
Bonello sostna li jeżistu kull tip ta’ nies li jagħmlu użu mill-kannabis minn kull sfera tas-soċjetà fosthom nies tal-familja u persuni li għandhom xogħol tajjeb u xorta waħda m’għandhom l-ebda tip ta’ problemi għaliex jikkonsmaw il-kannabis.
Il-President tal-organizzazzjoni qal li xorta waħda ser ikun hemm nies li ser iħabbtu wiċċhom ma’ konsegwenzi għaliex jabbużaw mill-kannabis iżda rrimarka bħalma hemm nies li ma jabbużawx mill-inbid hemm nies li jikkonsmaw il-kannabis u mhumiex dipendenti.
Bonello stqarr: “Ovvjament ħa jkollok dik il-persentaġġ żgħir li jistgħu jabbużaw jew ikollhom problemi jew diġà kellhom problemi predisposti li l-kannabis mhux tajjeb għalihom imma naħseb li jekk ikollok mudell regolat mill-inqas ikunu jistgħu jaraw x’fiha l-prodott għax tkun labelled u hekk tkun qed tieħu pass bħala stat li tkun kontrollat u iktar sikur.”
F’kollegament telefoniku d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, il-Perit Daniel Micallef stqarr li persuna tiġi trattata bħala kriminal għaliex ikollhom fil-pussess tagħhom ammont żgħir ta’ kannabis mhi ta’ benefiċċju għal ħadd.
Huwa sostna: “Kull min hu adult b’mod kuxjenzjuż jieħu deċiżjoni li jixtieq juża din is-sustanza, tajjeb jew ħażin jien mhux se niġġudikah u għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan b’mod sura ta’ nies mhux iridu jmorru għand it-traffikant fit-triq, fil-kantuniera. Jien il-periklu kbir li nara huwa dak għax l-użu tas-sustanza ħa jibqa’ hemm u l-istorja turik li tagħmilha illegali kemm tagħmilha illegali, id-domanda u l-użu tas-sustanza ħa jibqa’ hemm. Jien qed ngħid ejja nirrikonoxxu din ir-realtà.”
Dan filwaqt li l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri b’reazzjoni għall-każ tal-koppja li ġew arrestati fuq ammont żgħir ta’ kannabis, hu jemmen li l-korp tal-pulizija għandu jaġixxi fl-ispirtu tal-bidliet leġiżlattivi li seħħew tul dawn l-aħħar snin.
Il-Ministru Camilleri qal, “Nixtieq nara li każijiet bħal dawn ma jerġax ikollna u dan ser naħdem fuqha u ser nibqa’ naħdem fuqha sabiex ma jkollniex, ma nkunux qed nikellmu fuq każijiet simili għal dawn.”
Preżenti għal din id-diskussjoni dwar il-konsum tal-kannabis kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Oasi Noel Xerri li filwaqt li sostna li wieħed għandu jħares lejn l-aspett ta’ konsegwenzi u mhux biss dak rikreattiv, għamel emfasi fuq l-edukazzjoni bħala s-soluzzjoni.
Is-Sur Xerri rrimarka wkoll li tul dawn l-aħħar snin ġiet innutata żieda fl-ammont ta’ nies li fost oħrajn rrikorrew lejn il-Fondazzjoni Oasi jitolbu l-għajnuna minħabba l-użu tal-kannabis. Għaldaqstant il-Kap Eżekuttiv tenna li għandu jkun hemm liġi li sservi ta’ gwida għas-soċjetà.
Hu appella għal diskussjoni aktar infurmata u oġġettiva. Hu qal li m’għandu jkun hemm l-ebda referenza għal regoli ħarxa li jsawtu n-nies iżda qal li hija permezz tal-edukazzjoni li ser ikollna soċjetà aktar b’saħħitha.
Saħaq li l-kannabis tagħmel il-ħsara u qal li f’pajjiżi fejn ġiet legalizzata l-kannabis kien hemm żieda f’daqqa ta’ nies li jikkonsmaw il-kannabis.