Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żaru ix-xogħlijiet fit-toroq ta’ San Ġiljan u Paceville li bdew ftit tal-jiem ilu u tlestew matul din il-ġimgħa.
Dawn ix-xogħlijiet jagħmlu parti minn pjan ta’ titjieb f’diversi toroq f’żoni f’din il-lokalità, bl-għan finali li tittejjeb l-infrastruttura fiż-żona kummerċjali ta’ Paceville.
Il-Ministru Konrad Mizzi tenna, “Iż-żoni turistiċi, fosthom dawk ta’ San Ġiljan u Paceville, huma prijorità għall-Gvern. Wara diskussjonijiet li kellna mad-diversi entitajiet, fosthom Malta Tourism Authority, l-MHRA u l-Foundation for Tourism Zones, fassalna pjan ta’ riġenerazzjoni għal dawn iż-żoni li jagħtu sehem importanti lill-ekonomija ta’ pajjizna, hekk kif jilqgħu influss kbir ta’ nies fix-xhur tas-Sajf. Wara x-xogħol ta’ tqegħdija ta’ ramel fil-bajja ta’ San Ġiljan kien imiss lit-toroq. Dan huwa pjan li ser ikun qiegħed jiġi mplimentat fuq medda ta’ sentejn u li ser iservi ta’ eżempju għal-żoni oħra turistiċi li għandna f’pajjiżna”.
Il-Ministru Ian Borg saħaq li din il-ħidma hija biss il-bidu tax-xogħol li ser tkun qegħda tagħmel Infrastructure Malta. Il-Gvern ser ikun qiegħed jinvesti €700 miljun fit-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex – Infrastructure Malta ser tkun qegħda twettaq ix-xogħlijiet bi pjan li jinkludi proġetti ta’ skali differenti. ”Il-ħidma tagħna ma ntemmitx mal-proġetti tal-Kappara Junction u tal-Coast Road u mhijiex ser tissokkta mal-proġetti kbar bħall-Marsa Junction Project u s-Central Link Project. L-ambizzjoni tal-Gvern li nagħmlu t-toroq kollha ta’ pajjizna tibda’ u tkompli anke f’lokalitajiet bħal dawk ta’ Paceville u San Ġiljan li jilqgħu eluf ta’ turisti. Inħarsu l-quddiem bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta sabiex inkomplu nestendu dawn ix-xogħlijiet f’lokalitajiet oħra sabiex pajjiżna jkollu l-infrastruttura li tixraqlu”.