Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lesta xogħlijiet ta’ manutenzjoni fl-Istitut tas-Sorijiet ta’ Santa Tereża fin-Nigret, iż-Żurrieq, li kienu meqjusin bħala importanti ħafna fost il-komunità tas-sorijiet u tal-benefiċċjarji tagħha.
L-Arċipriet taż-Żurrieq, Dun Daniel Cardona, iddeskriva dawn ix-xogħlijiet bħala ta’ sostenn kbir għall-komunità tas-sorijiet u għat-tfal li jgħixu f’dan l-istitut, u anke għall-komunità taż-żona tan-Nigret.
“Sar xogħol biex hekk din il-kappella tista’ tiġi użata aħjar u anke l-patrimonju li ħallew missirijietna jkun mħares b’mod tajjeb u għalhekk kif tafu saru xogħlijiet tal-injam u sar xogħol ta’ roof proofing ukoll għal din il-kappella u b’hekk din il-komunità ta’ sorijiet u l-komunità tan-Nigret taż-żona ta’ hawnhekk li jiltaqgħu biex jitolbu hawnhekk u s-servizzi li jagħtu lil din il-komunità jkunu jistgħu jintlaħqu.”
DUN DANIEL CARDONA
Waqt żjara fuq il-post, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mix-xogħlijiet pubbliċi, Omar Farrugia, stqarr li dawn ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni se jiżgura li s-servizz li jagħtu s-sorijiet ikun wieħed sostennibli.
“Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni li saru fl-istitut tan-Nigret fiż-Żurrieq huma ta’ importanza kbira fuq diversi aspetti. Dawn ix-xogħlijiet se jkomplu jiżguraw li s-servizz soċjali lill-komunità li jwettqu s-sorijiet f’dan l-istitut jibqa’ jkun wieħed sostenibbli.”
OMAR FARRUGIA
Madankollu, stqarr li dawn ix-xogħlijiet huma parti żgħira mill-impenn tal-Gvern biex iwettaq titjib fis-soċjetà Maltija, f’kullana ta’ proġetti simili li qegħdin isiru f’binijiet oħrajn li huma importanti għall-wirt kulturali Malti.