Ġie inawgurat il-proġett tat-taraġ ta’ ħdejn l-Aċċjomu u t-Triq ta’ Doni fir-Rabat.
Dan wara xogħlijiet li saru b’investiment ta’ €1 miljun f’xogħlijiet li saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li barra li dawn ix-xogħlijiet jikkumplimentaw ix-xogħol li sar fi Triq Għeriexem, se tkun qed tiżdied ukoll is-sigurtà u tisbiħ l-estetika ta’ dawn l-akwati.
Qal, “Hawnhekk għamilna xogħlijiet importanti fejn qed nagħtu infrastruttura sigura imma infrastruttura wkoll li tirrispetta l-ambjent urban antik f’din iż-żona barra mill-Belt Kapitali tal-Imdina.”
Ix-xogħlijiet li saru fit-taraġ ta’ Doni jinkludu tibdil fis-servizzi tal-ilma u sistema għal kontra l-għargħar.
Ġie spjegat ukoll kif tneħħew cables antiki filwaqt li sar pavimentar ġdida u sistema ġdida ta’ dawl li jżidu l-valur estetiku tal-akwati.
Saru wkoll xogħlijiet ta’ restawr tal-faċċata tal-kappella ddedikata lil Santa Marija ta’ Duna.
Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus spjega kif dan il-proġett kien wieħed meħtieġ sabiex ikompli jogħla l-livell ta’ din il-lokalità.
Spjega, “Dan huwa wieħed mill-iktar proġetti għal qalbna bħalissa ovjament il-livell ogħli tal-infrastruttura li hawn hawnhekk ser ikompli jtejjeb mill-popolarità tar-Rabat.”