B’investiment ta’ ftit aktar minn nofs miljun ewro tlestew ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fuq erbatax-il blokka t’akkomodazzjoni soċjali fiż-Żona ta’ Ħal Mula, Ħaż-Żebbuġ.
F’dawn il-blokok t’appartamenti joqgħodu erbgħa u tmenin familja.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes intqal kif dan il-proġett jifforma parti minn inizjattiva usa’ ta’ tiswijiet u xogħlijiet strutturali ta’ binjiet pubbliċi li nbnew għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-perjodu ta’ wara t-tieni gwerra dinjija.
Fil-fatt dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’intervent fuq is-soqfa kemm fejn għandu x’jaqsam il-water proofing ta’ bjut u parapetti kif ukoll tibdil fit-travi tal-metall.
Apparti dan twettqu xogħlijiet oħrajn ta’ tibjid minn ġewwa u minn barra, titjib tas-sistema elettrika u tibdil fl-alluminju f’diversi blokok.
Il-Ministru Galdes qal kif llum qegħdin nagħmlu l-akbar proġett soċjali mis-snin sebgħinijiet ’l hawn bil-bini ta’ elf u seba’ mitt dar ġdida tal-akkomodazzjoni soċjali li se jagħtu ħajja ġdida u ċans għal futur diċenti lil eluf ta’ familji Maltin.
Intant ġie spjegat kif mill-programm ta’ xogħlijiet tal-elfejn u għoxrin tlestew għal kollox il-blokok li jinsabu r-Rabat, iż-Żejtun, Bormla, San Ġiljan, Santa Luċija u s-Siġġiewi.
Mill-programm tal-elfejn wieħed u għoxrin sa issa tlestew ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-bjut u x-xogħol ta’ kisi u tibjid fil-komun tal-blokok li jinsabu l-Birgu, San Ġwann, Santa Luċija u Ħal Luqa.
Dan ifisser li sa issa ġew irriġenerati kważi n-nofs ta’ ’l fuq minn elf blokka ta’ housing soċjali.
Preżenti kien hawn ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay.