Tlestiet fażi oħra mill-proġett tar-restawr tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun. Dan fi proġett mid-direttorat tar-restawr b’investiment ta’ €150,000 u li tlesta f’sitt xhur.
Ir-restawr ħa ħsieb madwar 650 metru kwadru fuq in-naħa tat-tramuntana tal-Knisja, u jsegwi restawr li sar fl-2018 fuq in-naħa tan-nofsinhar.
Il-Perit responsabbli mill-proġett Daphne Fenech spjegat li l-ġebla tal-faċċata kienet fi stat tajjeb ħafna, iżda n-nuqqas ta’ xemx ħalla impatt ukoll fuq il-ġebla.
Il-Perit Fenech spjegat: “L-ikbar sfida li kellna peress li dil-faċċata tħares lejn it-tramuntana ma tantx tara xemx, kellha ħafna deposit ta’ dak li ngħidulha biological growth. Kien diffiċli biex jitneħħa u tneħħa bl-idejn biex ma ssirx ħsara lill-ġebla.”
Spjegat ukoll li l-kenn li joffri dak li hu magħruf bħala l-Katidral tal-Lvant, jattira l-ħamiem.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici fisser kif dan il-proġett huwa wieħed minn 80 proġett li jinsabu fi stadji varji. Fisser kif dan it-tip ta’ impenn juri d-dedikazzjoni biex jiġi mħares il-wirt kulturali Malti.
Ħabbar ukoll li wara l-festa ta’ Santa Katerina f’Ġunju li ġej se jissoktaw ix-xogħlijiet, din id-darba fuq il-faċċata u l-kampnar.
Dr Bonnici sostna: “Għat-tielet sena konsekuttiva se nkunu qed nirrestawraw parti minn dan il-Katidral fiż-Żejtun. Din id-darba se tkun l-iktar parti li tolqot l-għajn għax hija l-faċċata prinċipali biż-żewġ kampnari rispettivi. Dan huwa proġett li se jibda wara l-festa taż-Żejtun.”
Din il-fażi mistennija tieħu madwar sena biex titlesta, b’investiment ta’ €355,000.