Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, u l-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, flimkien mas-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech, għamlu żjara fi tliet toroq f’Ħaż-Żabbar: Triq is-Santwarju, Triq il-Biċċieni, u Triq Santa Duminka.
F’dawn I-toroq ġew imżanżna tliet green pockets li l-għan tagħhom hu li jinħoloq ambjent aħdar fl-urban mingħajr ma jinħoloq ebda xkiel fl-użu eżistenti ta’ dawn it-toroq.
Dawn il-proġetti ġew iffinanzjati mill-Fond Nazzjionali għall-Iżvilupp Soċjali.
Fi Triq is-Santwarju, il-parkeġġ eżistenti ġie rranġat, sar pavimentar ġdid, u saħansitra nħoloq post rilassanti fejn ir-residenti jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom. Ix-xogħol jinkludi feature walls bl-ilma, green walls, tħawwil ta’ aktar siġar maturi, u bankijiet maħduma minn materjal riċiklabbli. Ġibjun li hemm fuq il-post ġie msewwi ħalli issa l-ilma jista’ jinġabar għat-tisqija. Barra dan, ġew impoġġija umbrelel fuq il-post, li barra milli joħolqu iktar dell, permezz tagħhom l-ilma tax-xita jista jinġabar f’tankijiet apposta.
Barra dan, il-parkeġġi fi Triq il-Biċċieni u fi Triq Santa Duminka ġew imsaqqfa b’mod li nħolqu green roofs b’pavimentar ġdid. Fuq il-green roofs tħawlu għadd ta’ pjanti differenti li se jservu ta’ mezz ta’ bijodiversità. Dawn se jservu wkoll bħala dell għall-vetturi pparkjati fl-istess toroq.
Il-ġibjun fi Triq il-Biċċieni tnaddaf u qed jerġa jintuża, filwaqt li fi Triq Santa Duminka nbena ġibjun ġdid.
Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li dawn il-proġetti jkomplu jsebbħu l-irħula tagħna filwaqt li jibqgħu aċċessibbli għal kulħadd.
Qalet, “Dawn it-tliet proġetti huma proġetti innovattivi kkumparati ma’ proġetti oħra, erò huma proġetti żgħar li juru b’mod ċar kif jista’ jkollok ambjent isbaħ fl-urban u allura żona li forsi kienet qed tintuża iktar għall-parkeġġ issa llum il-ġurnata inbidlet ukoll biex filwaqt li jitħalla dak l-użu li kien hemm qabel tara li jkun qed joħloq element ambjentali u element ħadrani u permezz ta’ dawn l-ideat rajna kif tliet żoni differenti f’Ħaż Żabbar ingħataw din id-dehra aktar ambjentali meta kellek żona u atmosfera li hija aktar urbana.”