Minn April tal-2022 sal-lum, l-Awtorità tad-Djar ikkonkludiet kważi 1,000 każ ta’ tiswija strutturali f’appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u li kienet indirizzata mill-Ministru Roderick Galdes u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Galdes spjega kif l-Awtorità tad-Djar investiet ftit aktar minn €4 miljun għal dawn il-proġetti ta’ tiswija.
Din l-allokazzjoni tinkludi wkoll it-tiswija ta’ 780 każ relatati ma’ sistemi tad-drenaġġ, elettriku, aperturi u meter cupboards fil-partijiet komuni tal-blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali, 300 intervent ta’ emerġenza biex jitneħħa l-periklu jew biex jiġu mifruda soqfa sakemm isiru t-tiswijiet propja u 100 test biex jiġu determinati sorsi ta’ dħul ta’ ilma sabiex ikunu jistgħu jsiru t-tiswijiet meħtieġa.
Il-Ministru Galdes spjega kif, dan l-investiment jassigura kwalità ta’ ħajja aħjar u jipprovdi ambjent ta’ livell aħjar lill-familji f’residenzi li għal dawn l-aħħar snin servew ta’ servizz soċjali.
Huwa rrimarka wkoll id-differenza fl-investiment u l-politika ta’ Gvern Laburista minn dawk ta’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti f’dan il-qasam.
“10 snin ilu sibna sitwazzjoni f’dan il-pajjiż li kien hemm lista ta’ stennija li tlaħħaq ’il fuq minn 3,300 persuna, taħt Gvern Nazzjonalista u kellna lista ta’ stennija ta’ kważi 4,000 ruħ li jgħixu fil-housing estates jitkarrbu għal intervent mill-Gvern u kienu qed jgħixu ħafna drabi fi stat ta’ periklu ċertu familji li kellhom soqfa perikolużi u kellhom bżonn ħafna interventi. U ridna wkoll nitilqu mill-fatt li ridna nżidu l-investiment. Dak iż-żmien l-investiment fil-housing kien ta’ €2 miljun illum laħħaqna kważi l-€40 miljun,” spjega l-Ministru Roderick Galdes.
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa spjega kif it-tiswijiet u l-manutenzjoni fi propjetajiet tal-Awtorità tad-Djar u tal-Gvern ammontaw għal kważi żewġ miljun u tlett mitt elf ewro.
Dan filwaqt li t-titjib u rinnovar f’oqsma soċjali differenti ammonta għal aktar minn miljun u sitt mitt elf ewro. Ir-riġenerazzjoni ta’ propjetajiet dilapidati ammontat għal kważi tlett mitt elf ewro. B’kollox total ta’ aktar minn erba miljun u mitejn elf ewro.
Zerafa spjega wkoll l-importanza tal-konsultazzjoni mar-residenti waqt li saru dawn ix-xogħlijiet importanti.
“Aħna għandna tim ta’ tekniċi. Tekniċi li huma metikolużi ħafna f’xogħlhom u kif taf in-numri jitkellmu waħedhom, nagħmlu ħafna xogħol. Però d-diffikultajiet li aħna għandna huwa li qegħdin nagħmlu xogħlijiet, tranġar u titjib ta’ stock eżistenti, fejn jgħixu n-nies u dik hija sfida,” sostna Zerafa.
Zerafa kkonkluda jgħid li din il-ħidma ma ssirx biss għall-benefiċċju tar-resident imma anke għall-komunitajiet tal-madwar.