Miexi rittmu mgħaġġel u skont kif ippjanat ix-xogħol fuq l-iskola primarja l-ġdida tal-Qawra bl-ewwel żewġ sulari tal-iskola diġá bdew jieħdu s-sura tagħhom.
L-iskola l-ġdida qed tinbena fuq medda ta’ art mifurxa fuq disat elef u ħames mitt metru kwadru. L-investiment fuq din l-iskola mistenni jilħaq l-għaxar miljun ewro.
Ix-xogħlijiet kollha ta’ bini qed isiru mill-Fondazzjoni għall-iskejjel ta’ għada u mistennija tilqa’ l-ewwel studenti f’Ottubru tas-sena d-dieħla.
Il-pjanti ta’ din l-iskola kellhom jinbidlu minħabba l-fatt li kulma jmur, il-popolazzjoni fil-lokalità qiegħda tkompli tikber tant li saret l-akbar lokalità li fiha jgħixu nies fil-gżejjer Maltin.Filfatt din l-iskola ser tkun qed tilqa fiha tfal ta’ kulturi u nazzjonalitajiet differenti kif jispjega l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Mario Gafa.
Gafa qal li “Minn childcare centre, kindergarden u minn year 1 sa year 5 jiġifieri se tkun skola primarja kompluta. Ħa jkollha erbgħin klassi se jkollha wkoll sporting facilities għax qegħdin nagħmlu minn kollox biex inderruwom bl-isports minn eta żgħira taf li għandna problema bl-obeżita”
L-iskola se jkollha sala u bosta faċilitajiet sportivi li l-komunità ser tkun tista’ tagħmel użu minnhom wara l-ħinijiet tal-iskola.
Fosthom żewġ ‘badminton courts’, grawnd tal-futsal u ‘indoor gym’. Iż-żewġ sulari ta’ taħt l-iskola se jservu ta’ parkeġġ għal erba mitt karozza.
Spjega li “Hemm problema kbira bil-parkeġġ u aħna barra li se nagħmlu skola biex tintuża għall-istudenti qegħdin nagħmlu wkoll li din l-iskola tintuża wkoll minn nies ta’ dawk l-inħawi u għalhekk aħna qegħdin ninvestu dawn il-flus fl-underground carpark biex din tkun tista tintuża minn kulħadd wara l-ħinijiet tal-iskola sibtijiet u ħdud”
Is-Sur Gafa spjega li ladarba jitlesta l-parkeġġ, jibda l-bini tal-iskola flimkien ma’ sala kbira li se jkollha aċċess dirett minn barra għall-użu tal-komunità. Żied jgħid li l-Fondazzjoni qed tibni l-proġett b’responsabbiltà lejn l-ambjent fosthom b’sistema ta’ ġibjuni li jilqgħu l-ilma tax-xita, aperturi double glazed u soqfa u ħitan miksija b’materjal li jikkontrolla t-temperatura u sistema ta’ dwal leds li jikkonsmaw ħafna inqas enerġija minn lampi konvenzjonali.