Ix-xogħlijiet fuq mija u erbgħin triq rurali, li saru permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, li huma parti mill-programm ta’ Fondi Ewropew għal bejn l-elfejn u erbatax u l-elfejn u għoxrin, kważi tlestew kollha.
Fuq dawn il-proġetti ġew investiti tnejn u għoxrin miljun u nofs ewro u minn dawn ibbenefikaw sebgħa u għoxrin kunsill lokali.
Proġett minnhom huwa dak fi Triq it-Troll, f’Ħaż-Żebbuġ, fejn minn dan l-investiment gawdew għoxrin bidwi li għandhom l-għelieqi tagħhom f’din it-triq.
Wieħed mill-bdiewa f’din it-triq qal kif issa għandhom aċċessibilità aħjar, u ftakar f’kif it-triq qabel ma kinitx fl-aħjar stat.
Qal, “Illum qisek għaddej minn bypass, ġiet sewwa. Proset għall-Kunsill u l-Gvern tal-ġurnata, li t-triq ma tistax tintuża aħjar. Qegħda two-way, ’l isfel u anki ’l fuq, u qed jonqos it-traffic minn Ħaż-Żebbuġ biha.”
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Mark Camilleri, qal li bis-saħħa tal-Fondi Ewropej, il-Kunsill irnexxilu jtejjeb il-kwalità tat-toroq rurali għal bdiewa u r-raħħala.
Qal, “Kienet ilha tinħass il-ħtieġa illi ngħinu lill-bdiewa, minħabba li meta tagħmel ix-xita hawnhekk l-ammont ta’ ilma kbir li jgħaddi… u meta t-triq ma kinitx tajba kien ikun ħafna debris ta’ ġebel u affarijiet oħra li jġorr miegħu l-ilma.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, spjega li, bil-programm il-ġdid ta’ fondi Ewropej sal-elfejn sebgħa u għoxrin, se jkomplu jittejbu toroq rurali oħra.
Qal, “Issa li l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp wasal fl-aħħar nistgħu ngħidu dan il-fond kien suċċess, bħal kull ħaġa li għamel dan il-Gvern meta mess mal-Fondi Ewropej. Fil-fatt, in-numru ta’ toroq illi ppjanajna sar kollu u llum hemm aċċess aħjar għall-bdiewa tagħna.”