Ġnien il-Familja f’Bormla issa għandu dehra ġdida wara li fl-aħħar xhur ġew implimentati xogħlijiet ta’ rinnovar. Dan l-ispazju ġie attrezzat b’logħob multi sensorjali apposta għal tfal b’abbiltajiet differenti.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli esprimiet sodisfazzjon għall-fatt li f’Bormla issa hemm spazju miftuħ ieħor li jista’ jitgawda minn kulħadd, speċjalment minn tfal b’abbiltajiet differenti. “Dan hu spazju miftuħ ġdid li ngħata lir-residenti Bormliżi u lil kull min jixtieq jagħmel użu minnu. Permezz ta’ dawn l-iskemi qed naraw li ntejbu l-ħajjiet taċ-ċittadini u l-familji tagħna sabiex jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, sew jekk humiex spazji miftuħa jew attivitajiet kulturali u staġjonali,” sostniet is-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari nnutat ukoll kif il-Kunsilli Lokali qed jaraw li fil-proġetti li jimplimentaw jkunu aktar inklużivi u jieħdu ħsieb li jikkultivaw spazji miftuħa biex minnhom ikunu jistgħu jgawdu l-familji. Hija sostniet li dan imur pari pasu mal-politika tal-Gvern li kulħadd ikollu dritt għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Bormla, Marco Agius, qal li grazzi għall-Iskema Aċċessibiltà u Mobbiltà l-Kunsill Lokali ta’ Bormla bbenefika minn fondi biex isir rinnovar fi spazju miftuħ ieħor. “Grazzi għall-iskemi li jinħarġu mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, il-Kunsilli Lokali jistgħu jibbenefikaw minnhom u permezz tagħhom qed nagħmlu d-differenza fil-ħajjiet taċ-ċittadini,” temm jgħid is-Sindku ta’ Bormla.
Ix-xogħol sar mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla permezz ta’ fondi mill-Iskema Aċċessibiltà u Mobbiltà maħruġa mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.\
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Emil Vassallo, kif ukoll kunsilliera mil-lokalità ta’ Bormla.