B’investiment ta’ €2.1 miljun, tlestew ix-xogħlijiet fuq il-bini l-ġdid tal-breakwater tal-Marfa.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett waqt żjara fuq is-sit tal-proġett.
Dan il-breakwater imur lura għexieren ta’ snin u sakemm inbena l-port taċ-Ċirkewwa, f’nofs is-sebgħinijiet, kienu jitrakkaw miegħu l-laneċ li kienu joperaw il-vjaġġi bejn Malta u Għawdex, iżda tul is-snin ġarrab ħsarat konsiderevoli.
Wara stħarriġ strutturali ġie kkonfermat li partijiet sostanzjali mill-istruttura kienu mikulin u għaldaqstant, l-aġenzija Infrastructure Malta bniet mill-ġdid l-istruttura kollha tal-breakwater, inkluża l-gverta twila 85 metru u wiesgħa 9 metri, il-ħajt li jipproteġiha mill-qawwa tal-mewġ u għamlet tiswijiet estensivi fil-pedamenti li hemm f’qiegħ il-baħar.
Il-Kap tat-Taqsima Marittima ta’ Infrastructure Malta, Janice Borg, qalet li dan il-proġett kien meħtieġ minħabba diversi ħsarat li ġarrab mill-maltempati matul is-snin.
Hija żiedet tgħid li dan ix-xogħol kien jinkludi wkoll installazzjoni ta’ dawl ġdid u sistemi oħra.
“L-iskop ta’ dan il-breakwater huwa ovjament għax hawnhekk jidħlu numru ta’ sajjieda kif ukoll l-operaturi u ovjament ma xtaqniex li naslu fi stadju fejn dan jitkisser waħdu bil-maltemp u ovjament tinqabad li ma jkunx hemm minn fejn jaħdmu dawn is-setturi. Bħala proġett ġie jiswa madwar żewġ miljuni u ffinanzjat minn fondi Ewropej.”
Il-Ministru Bonett spjega li dan il-proġett huwa parti minn proġett akbar ta’ restawr ta’ breakwaters madwar Malta, inklużi dawk ta’ Marsaxlokk, Marsaskala u issa l-Marfa.
“Dan juri kemm ix-xogħol infrastrutturali f’pajjiżna ma jiqafx biss fuq it-trasport tat-toroq tagħna imma anka f’dak li għandu x’jaqsam it-trasport bil-baħar. Baħar li rridu nużaw iktar u aħjar u x-xogħlijiet infrastrutturali huma mmirati biex breakwaters u mollijiet li kellhom bżonn intervent għal ħafna snin għax kellhom ħafna ħsarat, issa qed jiġu rranġati wkoll. Ovjament issa għall-poplu Malti biex ikunu jistgħu igawduhom.”