Tlestew ix-xogħlijiet fil-Ġnien ir-Re Ġorġ V fil-Furjana biex issa huwa aktar aċċessibbli u sigur. Dawn saru b’investiment ta’ €400,000 mill-Kunsill Lokali u anke mill-Fond għall-Ippjanar u l-iżvilupp.
F’konferenza tal-aħbarijeit ġie spjegat li x-xogħlijiet jinkludu l-installazzjoni ta’ tagħmir għal open gym, kameras tas-sigurtà u sistema ta’ tisqija. Inbidlu wkoll il-faċilitajiet sanitarji fil-ġnien u manutenzjoni kull fejn kien hemm bżonn, fosthom fis-sistema tad-dawl, u tibdil fil-pavimentar.
Is-Sindku tal-Furjana Davinia Sammut Hili spjegat li fix-xhur li ġejjin se jitlestew xogħlijiet oħra fil-grawnd tal-futbol li hemm fil-ġnien, kif ukoll il-fencing mad-dawra tal-ġnien.
Hija qalet: “Dan il-ġnien hu post rikreattiv mhux biss għall-Furjaniżi imma anke residenti ġirien tagħhna. Dan se nagħtuh lura lill-komunità, u għal kull persuna li żżur il-Furjana. Il-lokalità hija frekwentata anke minn ħaddiema li jiġu ta’ kuljum.”
Il-Ministru għall-Ippjanar Aaron Farrugia qal li permezz ta’ dan il-fond qed jiġu appoġġjati proġetti mmirati biex itejbu l-benesseri, l-ambjent, u d-dimensjoni soċjali tal-ibliet u l-irħula.
Huwa stqarr: “Dan hu l-mod kif insibu bilanċ f’żoni urbani u nagħtu kwalità ta’ ħajja lir-residenti biex ikollhom postijiet fejn jirrikreaw irwieħhom fil-lokalitajiet fejn jgħixu u jaħdmu. Dan hu dak li talbuna l-familji Maltin u Għawdxin, u dak hu li għamila fl-aħħar xhur u li se nkomplu nagħmlu fiż-żmien li ġej.”
Hawn spjega wkoll kif l-Awtorità se tibqa’ tgħin lill-Kunsilli Lokali jwettqu dawn it-tip ta’ proġetti bl-għoti ta’ fondi.
Il-Ministru Farrugia sostna: “Sa ftit ilu konna nagħtu lura 70% għal dawn il-proġetti, imma jekk il-proġett huwa wieħed ambjentali, bħal ma kien dan, nagħtuhom 100% tan-nefqa. Jekk il-proġett hu ġnien vertikali, xi ħaġa li l-poplu laqa’ fl-aħħar xhur, nagħtuhom 105% għall-ispejjeż tal-operazzjonijiet.”
Il-Perit Vincent Cassar, Chairperson tal-Fond, ħeġġeġ lill-kunsilli lokali biex ikunu aktar kreattivi u innovattivi dwar kif u fejn jintroduċu aktar spazji miftuħa fil-lokalità tagħhom.