B’investiment ta’ seba’ mitt elf ewro, l-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta lestiet ix-xogħlijiet fi Triq l-Imdina f’Ħal Qormi.
Din hija waħda mill-itwal toroq arterjali li tintuża minn bosta ta’ kuljum.
Fost ix-xogħlijiet li saru f’din it-triq kien hemm il-bini mill-ġdid tat-tappieri tad-drenaġġ tal-karreġġjata li ħafna minnhom kienu spiċċaw.
Saru wkoll tiswijiet ta’ wħud mill-mogħdijiet tat-triq u l-ħitan tal-konfini, filwaqt li saret organizzazzjoni mill-ġdid tal-ispazji tal-parkeġġ fit-toroq taż-żona.
Infrastruttura Malta lestiet il-proġett bit-tqegħid ta’ madwar elfejn tunellata ta’ asfalt u marki ġodda fit-triq.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, l-Inġinier Frederick Azzopardi qal li b’dan il-proġett se jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar flimkien mal-emissjonijiet li kienu jkunu kkawżati minħabba konġestjoni tat-traffiku.
Qal, “Dan huwa proġett importanti. Proġett li bdejnih qabel u lestejnih ukoll qabel ma tibda s-sena skolastika għax aħna nafu li għalkemm jgħaddu ħafna vetturi, hija wkoll rotta prinċipali sabiex tgħaqqad min ikun ġej min-naħa ta’ fuq ta’ Ħaż-Żebbuġ għan-naħa t’isfel tal-Marsa, u allura lestejniha wkoll ftit qabel ma għalaqna ċertu toroq ġewwa s-Central Link.”
Dan il-proġett ma kienx iżolat, hekk kif bħalissa għaddejja ħidma intensiva fit-toroq li se tissarraf f’nuqqas kbir fil-ħin tal-ivvjaġġar.
Fost ix-xogħlijiet li għaddejjin hemm dawk fil-proġett tas-Central Link, li disgħin fil-mija tiegħu huwa lest.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg qal li b’dawn il-proġetti, il-poplu qed igawdi minn infrastruttura tat-toroq tal-ogħla kwalità u tal-aqwa effiċjenza.
Spjega, “Bla dubju ta’ xejn wieħed irid jiftakar ukoll li din it-triq bħalissa qed isservi bħala alternattiva għas-Central Link għaliex irridu nfakkru li matul dan ix-xahar li ġej, fis-Central Link ser ikollna ħafna ħinijiet li jkollok diversions u allura t-tarmak li se jkun qed jingħata fuq is-seba’ kilometri kollha u din hija waħda mill-alternattivi li jużaw in-nies li ġejjin min-naħa ta’ fuq u neżlin lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż.”