L-Enemalta lestiet it-tiswijiet tal-Interconnector bejn Malta u l-Italja, wara li dan kien intlaqat b’ankra ta’ vapur waqt maltempata f’Marzu li għadda.
L-interconnector, li jgħaqqad lil Malta mal-grilja tal-elettriku Ewropea, intefa’sakemm saru t-tiswijiet meħtieġa. Il-provvista tal-elettriku, sadanittant, se tkun qegħda tingħata mis-sorsi lokali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, fosthom l-impjanti ta’ emerġenza tal-Enemalta f’Delimara.
L-Enemalta qalet li, għal kważi tliet ġimgħat, inġiniera u tekniċi tagħha flimkien mal-kumpanija li kienet ipproduċiet l-Interconnector, irranġaw il-ħsarat fil-kejbil tad-dawl f’qiegħ il-baħar lil hinn mix-xatt f’San Pawl il-Baħar.
Wieħed mill-inġiniera tal-Enemalta, l-Inġinier Ian Spiteri, spjega kif il-ħaddiema bdew it-tiswijiet billi qatgħu medda ta’ ftit aktar minn kilometru u nofs ta’ kejbil f’qiegħ il-baħar permezz ta’ apparat robotiku.
Qal, “L-ewwel bidu tal-proċess kien li naqgħtu l-kejbil minn madwar kilometru ’l barra mix-xatt, niġbru l-kejbil, inneħħu l-protezzjoni mekkanika, li kienu l-cast iron shells, naslu għat-tieni qatgħa, u jinqata’ minn hemmhekk.”
Intqal kif dawn it-tiswijiet ġew jiswew madwar €25 miljun u l-Enemalta fetħet proċeduri legali kontra s-sidien tat-tanker Chem P, li kkawża l-ħsarat, sabiex titħallas għal dawn id-danni.
Ix-xogħlijiet ta’ tiswija saru abbord il-vapur speċjalizzat Nexans CLV Aurora, bastiment ġdid li ġie varat is-sena l-oħra. Dan huwa l-akbar vapur tat-tip tiegħu fid-dinja, mgħammar bl-aħħar teknoloġiji sabiex iqiegħed kejbils twal taħt l-ilma u jagħmel manutenzjoni u tiswijiet tagħhom.
B’tul ta’ kważi 100 kilometru, l-Interconnector iwassal l-elettriku mill-grilja tal-elettriku Ewropea fi Sqallija lejn Malta. Dan isir bħala parti mit-taħlita tas-sorsi ta’ enerġija li tikkontrolla l-Enemalta. Din il-konnessjoni bil-kejbil sottomarin tissupplixxi medja ta’ 20 fil-mija tal-elettriku għal Malta.
Sabiex tibqa’ tiżġura s-sigurta tal-provvista tal-elettriku f’pajjiżna, l-Enemalta ordnat medda ta’ aktar minn kilometru ta’ kejbil ġdid tal-Interconnector, sabiex tibqa’ żżomm il-ħażna meħtieġa f’każ li jerġa’ jkun hemm ħsarat jew inċidenti oħrajn.