Fil-Għargħur u fil-Gżira tlestew żewġ toroq oħra li kienu parti mill-ewwel kuntratti li ħarġet Infrastruttura Malta bħala parti mill-investiment fl-infrastruttura fit-toroq Maltin u Għawdxin fuq medda ta’ 7 snin.
Triq Caravaggio u Triq Nazju Ellul huma biss żewġ toroq minn 290 triq li jkopru żewġ kuntratti li tħabbru matul l-ewwel sena ta’ dan il-proġett.
L-Inġinier u Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Fredrick Azzopardi qal li l-maġġoranza tat-toroq mill-ewwel kuntratt li nħareġ huma lesti filwaqt li x-xogħol għaddej ġmielu fuq it-toroq li jkopru t-tieni kuntratt.
Il-Kap Eżekuttiv tenna li x-xogħolijiet li qed isiru mhumiex biss dawra bl-asfalt.
Huwa stqarr: “Fuq dawn it-toroq ta’ dawn iż-żewġ tenders biss, kif ikunu lesti nkunu għamilna ‘l fuq minn mitejn kilometru ta’ bankini jiġifieri mhumiex biss asfalt. Ħafna drabi ngħidu isma t-toroq huma t-tarmac u l-asfalt, le mhux biss, it-toroq ukoll jinkludu bankini imma jinkludu wkoll kilometri sħaħ ta’ servizzi taħt l-art.”
Azzopardi stqarr li apparti dawn it-toroq, qed isiru diversi xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq toroq jew żoni li jkollhom bżonn intervent fosthom Triq il-Buqexrem fil-Fgura li kienet ilha ma tintmess għal snin twal.
Is-Sur Azzopardi sostna: “Mhux biss aħna għidna dawn ix-xogħlijiet u daqshekk. Anke aħna u għaddejjin qed jinstab li pereżempju jkun hemm areas jew toroq oħra partikolari li hemm bżonn nintervjenu fuqhom allura ma ngħidux dik il-lista u daqshekk u jekk nagħti eżempju, l-eżempju tad-dip area sħiħa, disa’ toroq ġewwa l-Mosta.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg saħaq li l-pandemija mhux talli ma fixklitx il-ħaddiema ta’ Infrastruttura Malta iżda dawn sabu x-xoqqa f’moxtha biex iżidu r-ritmu.
Il-Ministru Borg qal: “Dawn it-toroq qegħdin jitlestew matul dawn il-ġimgħat u propju l-isfida tal-pandemija mhux talli ma fixklitx talli forsi anki f’dan ir-rigward ix-xogħol żdied, ir-ritmu żdied għaliex kien hemm inqas niex fit-toroq, kien hemm inqas inkonvenjent għal min kien qed jaħdem. Ovvjament Infrastructure Malta u l-kuntratturi tagħha ħadu wkoll l-opportunità sabiex iżidu r-ritmu minħabba li n-nies kienet qiegħda toħroġ inqas barra.”